Lokali Qorti

Mhux ħatja li serqet vann u għodda li spiċċaw f’kamra tal-eks sieħeb tagħha

Mara ta’ 36 sena mill-Fgura ma nstabitx ħatja mill-Maġistrat Audrey Demicoli li sentejn ilu serqet vann minn Ħal Tarxien u għodda li kienu fih li jammontaw għal €25,000.

Irriżulta li din l-għodda kienet inħattet f’kamra, propjetà tal-eks sieħeb tagħha u hija nzertat li kienet għadha kemm tasal fil-post mingħajr ma kienet konxja tal-oġġetti misruqa.

Antonella Vella, li ammettiet li għandha problema ta’ droga ma nstabitx ħatja wkoll li laqgħet għandha ħwejjeġ misruqa u li saret reċediva. Hija ġiet illiberata wkoll minn akkużi li għamlet ħsara fuq l-istess karozza u li kisret diversi kundizzjonijiet tal-Qorti. L-Ispettur Chantelle Casha ressqitha fuq 14-il akkuża kollha relatati ma’ dawn il-każijiet.

Mill-provi rriżulta li fit-8 ta’ Gunju tal-2018 kien insteraq vann tat-tip Mazda li kien fi Triq Dun Gużepp Gonzi u l-ghada fil-5.30am. sidu ma kienx sabu fejn ħallih ipparkjat. Fil-vann kien hemm ukoll xi ghodda u nġenji ta’ mekkanik.

L-għada, fid-9 ta’ Ġunju 2018, għall-ħabta tas-7.20am. kien ghaddej Pulizija minn Triq il-Ħerba, iż-Żejtun u nnota l-vann li kien irraportat misruq. Huwa qal fil-Qorti li hemm kien innota raġel li kien qiegħed iħott l-għodda mill-vann u Antonella Vella kienet qegħda bilqegħda fuq l-għatba tar-residenza tikkomunika ma’ dan ir-raġel.

Tliet Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post u wieħed minnhom mar viċin il-vann u sab lix-xufier u qabad u qalalu ċ-ċwievet. Vella kienet fuq it-tarġa tal-bieb u sussegwentement daħlet ġewwa. Wieħed mill-Pulizija qalilha biex toħroġ u dan xehed li din il-kamra kienu jgħixu fiha Vella u r-raġel, li dak iż-żmien kien is-sieħeb tagħha.

L-imputata ċaħdet li hija serqet jew kienet kompliċi fis-serqa tal-vann u stqarret li meta l-Pulizija marru ż-Żejtun hija kienet għadha kemm tasal fil-kamra u ma kienet qed tħott xejn.

Hija qalet ukoll li ftit qabel kienet fid-dar t’ommha l-Fgura u mxiet mill-Fgura saż-Żejtun għaliex il-partner tagħha kien qalilha biex tmur hemm mingħajr ma taha raġuni.

Qalet li din il-kamra kienet mikrija lilu u li hija tagħmel użu mid-droga. Saħqet li hija kienet tgħix il-Fgura u mhux fir-residenza fejn kienet dak il-ħin fiż-Żejtun.

Sostniet li kienet tmur f’dan il-post taż-Żejtun sabiex tieħu d-droga għaliex ma setgħetx taghmel dan fir-residenza t’ommha. Spjegat li meta waslet sabet l-għodda misruqa diġa fil-kamra u sostniet li ma kelliex ċavetta tal-kamra u lanqas kienet qed tgħin lill-eks sieħeb tagħha jħott l-għodda qabel huwa twaqqaf mill-Pulizija.

Il-Qorti qalet li hija tal-fehma li l-Prosekuzzjoni ma rnexxiliex tilħaq il-grad ta’ prova, dik ta’ lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni u dan għal diversi raġunijiet.

Il-fatt li kienet fuq l-għatba tal-kamra fejn instabet l-għodda u li kienet qed tikkomunika mal-eks sieħeb tagħha mhuwiex biżżejjed sabiex tinstab ħatja li hija serqet il-vann u l-għodda jew li kienet b’ xi mod komplici f’tali serq, tant huwa hekk li l-marki tas-swaba meħuda minn diversi partijiet tal-vann ma qablux mal-impronti diġitali taghha. Hija ġiet illiberata minn kull akkuża.