Jekk kont qiegħed id-dar tara iktar television, iffrankajt fil-fuel. Din kienet il-ġustifikazzjoni li ta l-Ministru Michael Falzon meta kien mistoqsi għaliex il-familji mhux se jingħataw roħs fuq il-konsum domestiku tal-elettriku.
Net News ghamel din il-mistoqsija lill-Ministru tal-Affarijiet Soċjali fid-dawl tal-fatt li f’dawn l-aħħar tliet xhur, in-nies kienu qegħdin iktar id-dar bil-konsegwenza li żdied il-konsum tal-elettriku. Barraminhekk, ħafna minn dawn il-familji raw tnaqqis sostanzjali fl-introjtu tagħhom jew saħansitra tilfu l-impjieg. Dan minbarra l-fatt li minn stħarriġ li sar, il-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas seba’ darbiet iktar għall-gass li qed jinxtara mill-Power Station ta’ Konrad Mizzi.
Kwistjoni oħra li qamet fl-ahhar jiem hi marbuta mal-bejgħ tal-propjeta’.
Il-miżura tat-tnaqqis fit-taxxa u fil-boll tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela it-Tnejn li għadda. Madanakollu il-Kunsill Notarili avża li sakemm joħroġ l-avviż legali in-nutara jibqgħu inaqqsu t-taxxa u l-boll bir-rata attwali u l-klijenti japplikaw għal refużjoni.
Dan wassal biex il-bejjiegħa u x-xerrejja li kienu fuq konvenju u waslu biex jiffirmaw il-kuntratt, ipposponew l-iffirmar sakemm joħroġ l-avviż legali, li ironikament fisser li waqqaf minflok xpruna is-suq.
Il-Ministru Falzon ikkonferma li qed jiġri hekk, iżda qal biss li l-Avviż Legali hu imminenti.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Michael Falzon radd ħajr lill-ħaddiema tal-qasam soċjali li baqgħu jaħdmu u jipprovdu s-servizzi lill-komunita fiċ-ċirkostanzi tal-pandemija. Hu qal li servizzi li daħlu fi żmien il-pandemija, bħall-helpline għal min qed ibati mis-solitudni, se jibqgħu fuq bażi permanenti
//= $special ?>