Qorti

Ordnat iħallas kumpens ta’ €160,000 lill-ġenituri ta’ żagħżugħ li kien miet b’overdose ta’ eroina

Raġel minn Ħal Safi li llum għandu 43 sena u li kien jaħdem fil-kostruzzjoni ġie ordnat iħallas kumpens ta’ €160,000 mill-Imħallef Francesco Depasquale lill-ġenituri ta’ żagħżugħ li kien miet permezz ta’ overdose ta’ droga, kważi 21 sena ilu.

F’Ottubru tal-2006 Magri kien ġie kundannat tliet snin ħabs u mmultat €4,659, fuq qtil involontarju wara li ssupplixxa l-eroina lil Adolf Farrugia, li kaġun tagħha kien spiċċa miet b’overdose.

Mario Magri kien appella mis-sentenza li iżda kienet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef David Scicluna f’Mejju tal-2009
Il-vittma, li kellu 21 sena, kien instab mejjet fuq sodda fil-garaxx ta’ missieru f’Ħal Safi fit-22 ta’ Awwissu 1999.

Dakinhar, jikkonsma d-droga miegħu kien hemm Magri, li wkoll kien intilef minn sensih. Meta Magri qam, huwa sab lil sieħbu mejjet, u bil-biża’ ħarab ‘il barra mill-garaxx. Fil-fatt huwa mesaħ lil Farrugia qabel ma telaq u dan biex ineħħi l-marki tas-swaba minn fuqu.

F’Ottubru tal-2009, il-ġenituri tal-vittma, Emanuel u Margaret Farrugia, ppreżentaw kawża għad-danni. Magri li kien għadu qed jirkupra mill-isparaturi qatt ma xehed f’din il-kawża iżda għażel li jistrieħ prinċipalment fuq provi dokumentarji.

Irriżulta li kien ċertu Paul Busuttil, ħabib kemm ta’ Magri kif ukoll Farrugia, kien għadda informazzjoni importanti li wasslet biex jiġi solvut dan il-każ.
Magri kien mar jiltaqa’ ma’ Farrugia biex jikkonsmaw id-droga flimkien, l-istess droga li Magri, flimkien ma’ Busuttil, kien akkwista mingħand “iċ-Ċikli” aktar kmieni dakinhar li seħħ il-każ.

Kienet omm il-vittma Maggie Farrugia, li sabet lil binha mejjet. Magri kien ħa miegħu s-siringa u d-droga meta ħarab mill-garaxx u remihom fi skip fil-lokalità tal-Mosta, minkejja li l-inċident seħħ f’Ħal-Safi.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fis-sentenza tagħha qalet li daqs kemm huwa responsabbli Magri li pprovda d-droga lil Farrugia, kien ukoll responsabbli Farrugia li kien lesta d-droga biex tintuża u amministraha.

Il-Qorti qalet li minkejja li Magri huwa resposabbli għall-mewt ta’ Adolf Farrugia, ir-responsabbiltà tiegħu għandha tieħu inkonsiderazzjoni n-negliġenza kontributorja ta’ Farrugia fid-dawl tal-fatt li pprepara d-doża tal-eroina li eventwalment qatlitu, u għalhekk id-danni nflitti ġew imnaqqsa bin-nofs.

Sadanittant fi Frar ta’ 11-il sena ilu Mario Magri kien fil-periklu tal-mewt wara li persuna mhux magħrufa kienet sparatlu żewġ tiri hekk kif kien ħiereġ mid-dar tal-ġenituri tiegħu fi Triq Qerd in-Naħal, Ħal-Safi. Minn sparalu ftit qabel is-6.00am. ħarab mill-post b’mutur.