Lokali

Prim Ministru ostaġġ – il-PN

Wara li fl-aħħar sigħat kompliet ħierġa aktar xhieda li timplika lil Chris Cardona fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Robert Abela qiegħed ikompli jagħżel li jżomm lil Chris Cardona bħala l-id il-leminija tiegħu. Din ix-xhieda mhix ta’ kwalunkwe persuna iżda tal-persuna li l-Gvern Laburista ta maħfra biex tgħid il-verità kollha dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina, il-Partit Nazzjonalista qal li s-skiet u n-nuqqas ta’ azzjoni ta’ Robert Abela dwar Chris Cardona qed jidwu ma’ kullimkien, huma prova ta’ kemm Robert Abela lanqas għandu s-saħħa jiddeċiedi għall-aħjar interess ta’ pajjiżna u jħalli lil Chris Cardona u bħalu lil Keith Schembri u Konrad Mizzi jagħmlu li jridu.

Dan huwa l-veru patt imxajtan.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li minflok jieħu passi kontra Chris Cardona, Robert Abela qiegħed jinnegozja miegħu dwar kif tista’ ssir elezzjoni għal Deputat Mexxej ġdid tal-Partit Laburista bil-għan li Chris Cardona jibqa’ figura importanti fil-Partit Laburista. Kif Joseph Muscat baqa’ konsulent, Konrad Mizzi deputat, u Lawrence Cutajar konsulent sospiż.

Robert Abela jrid jgħid x’se jagħmel bi Chris Cardona u jispjega għalfejn qed jagħżel li ma jieħu l-ebda passi kontra tiegħu.

Robert Abela għandu r-responsabbilità li jaħdem għas-sewwa u li jħares ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna mill-ħsara iktar u iktar meta għajnejn id-dinja fuqna wara r-rapport tal-Kummissjoni Venezja u l-eżami tal-Moneyval, li qed jipperikolaw eluf ta’ postijiet tax-xogħol.