Futbol Sport

Sevilla b’rebħa komda fl-ewwel partita mir-ritorn tal-La Liga

(Ritratt: EPA)

Wara tliet xhur sopsiż minħabba l-pandemija tal-coronavirus, illejla irritorna l-La Liga bid-derby ta’ Seville bejn Sevilla u Real Betis. Sevilla dehru ferm aktar preparati mill-avversarji u fetħu tajjeb tant li wara għaxar minuti resqu viċin li jiftħu l-iskor meta xutt angolat ta’ Ocampos stampa mal-lasta. Sevilla komplew jersqu viċin meta daqqa ta’ ras ta’ Kounde għaddiet ftit barra.

It-tim ta’ Julen Lopetegui iżda mar fil-vantaġġ fit-tieni taqsima. Fl-54 minuta Marc Bartra deher jiffawlja lil De Jong fil-kaxxa bir-referee jordna penalty favur Sevilla. LUCAS OCAMPOS ma żbaljax u tefa’ lil Sevilla fil-vantaġġ. Tmien minuti wara Sevilla żiedu ieħor meta minn corner, il-ballun waqa f’saqajn FERNANDO li mill-viċin ma żbaljax biex għamilhom 2-0.

Real Betis pruvaw iwettqu reazzjoni u kellhom opportunità permezz ta’ Emerson fis-77 minuta biex xutt tiegħu jgħaddi ftit barra. Ftit tal-minuti wara Joaquin ukoll resaq viċin li jnaqqas id-distakk iżda x-xutt tiegħu kien imblukkat. B’din ir-rebħa Sevilla saħħew posthom fit-tielet post tal-klassifika, fejn għandhom 50 punt, erba’ punti aktar minn Real Sociedad li jinsabu fir-raba’ post.

Ilbieraħ: Sevilla v Real Betis 2-0, Illejla: Granda v Getafe 7.30pm, Valencia v Levante 10.00pm, Għada: Espanyol v Deportivo Alves 2.00pm, Celta Vigo v Villareal 5.00pm, Leagnes v Real Valladolid 7.30pm, Mallorca v Barcelona 10.00pm, Il-Ħadd: Athletic Bilbao v Atletico Madrid 2.00pm, Real Madrid v Eibar 7.30 pm, Real Sociedad v Osasuna 10.00pm