Internazzjonali

Tensjoni bejn Donald Trump u l-awtoritajiet tal-Istat ta’ Washington

L-Awtoritajiet fl-Istat ta’ Washington qed jirreaġġixxu wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, hedded li ‘jieħu lura’ distrett ta’ Seattle li hu ħieles mill-preżenza tal-pulizija minbarra li qed ikun ikkontrollat mid-dimostranti.

Id-dimostrazzjonijiet f’Seattle (Washington) ikkaratterizzaw l-aħħar jiem wara l-qtil, ix-xahar li għadda’ ta’ George Floyd, Amerikan iswed, li kien spiċċa arrestat mill-pulizija fil-belt ta’ Minneapolis (f’Minnesota).

Intant, Jay Inslee, il-Gvernatur ta’ Washington, qal li Donald Trump mgħandux għalfejn jindaħal fl-affarijiet tal-Istat waqt li s-Sindku ta’ Seattle, Jenny Durkan, iddefendiet id-dritt ‘sagrosant’ għal protesta.

Durkan, fl-istess waqt, wissiet li t-theddida biex il-pulizija ‘jinvadu’ Seattle għandha titqies bħala sitwazzjoni li x’aktarx tinċita l-vjolenza . Hi spjegat li l-aġir ta’ Trump mhux talli jrid jitqies bħala l-agħar tip ta’ deċiżjoni iżda wkoll bħala illegali fiċ-ċirkustanzi.

Il-pulizija, jiem ilu, kienu abbandunaw distrett ta’ Seattle wara jum qalil ta’ konfronti mad-dimostranti — b’Donald Trump isostni li l-inħawi ‘kienu waqgħu f’idejn terroristi domestiċi’.

Madankollu, id-dimostrazzjonijiet f’dik il-parti ta’ Seattle baqgħu paċifiċi wara li l-pulizija rtiraw mill-inħawi.

Id-distrett, illum, qed jissejjaħ ‘Chaz’ – kelma fil-qasir għal Capitol Hill Autonomous Zone – u fejn mijiet ta’ nies qed jinġabru biex iwasslu l-messaġġi tagħhom waqt id-dimostrazzjonijiet. Iz-zona anki qed isservi bħala sit fejn in-nies jistgħu jisimgħu id-diskorsi waqt li jattendu għal avvenimenti pubbliċi.

Ir-residenti ta’ Seattle kienu fost l-ewwel li ħarġu jipprotestaw dwar il-mewt ta’ George Floyd wara li bdew iduru l-filmati ta’ pulizija qed iżomm irkopptu fuq l-għonq ta’ Floyd ( li kien spiċċa mal-art fil-mument tal-arrest) u bil-vittma jitlob għall-ħniena ‘għaliex ma setax jieħu n-nifs’.

Floyd miet ftit tal-ħin wara u mewtu wasslet għal ħuġġieġa ta’ għadab u li nfirxet anki ‘il hinn mill-Istati Uniti.

Il-President Trump, intant, qed jagħmel il-pressjoni biex l-awtoritajiet tal-Istati Amerikani jieħdu azzjoni konkreta kontra d-dimostranti. Trump, fl-istess ħin, fassal il-proposti għal riformi għall-pulizija, b’dawn jinkludu linji gwida nazzjonali dwar l-użu ta’ forza. Hu, fl-istess ħin, warrab għas-sejħiet biex jonqsu l-fondi għall-pulizija bħala ‘parti minn aġenda estrema’.

L-aħħar żviluppi qed isiru wara li z-zona madwar East Precinct, f’Seattle, fl-aħħar ġimgħatejn, inbidlet f’zona ta’ battalja bejn id-dimostranti u l-pulizija – bir-riżultat li l-Gvernatur kien kostrett li jdaħħal il-qawwiet tal-Gwardja Nazzjonali biex jirristawraw l-ordni u bis-Sindku timponi curfew fl-inħawi.