Futbol Sport

Winston Muscat maħtur kowċ ta’ Tarxien Rainbows

(Ritratt: Tarxien Rainbows FC)

Tarxien Rainbows bdew jiffurmaw l-istaff tekniku tagħhom hekk kif ħatru lil Winston Muscat bħala l-kowċ tagħhom b’kuntratt ta’ sentejn. Din l-aħbar issegwi dik ta’ ftit jiem ilu li l-eks plejer Denni Rocha dos Santos inħatar Direttur Tekniku tal-klabb.

Muscat li għandu l-liċenzja UEFA Pro ġej minn esperjenza ta’ sentejn bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena. Din mhux se tkun l-ewwel esperjenza għal Muscat fl-ogħla diviżjoni wara esperjenzi ma’ Vittoriosa Stars, Marsaxlokk, Naxxar Lions u Pembroke Athleta.

Hu se jkun qed jieħu post Demis Scerri wara li ntlaħaq ftehim mal-klabb biex ma jibqax imexxi lit-tim. Winston Muscat se jkollu biċċa xogħol diffiċli biex iżomm lil Tarxien Rainbows fl-ogħla diviżjoni.

Fl-istaġun li għadda, Tarxien Rainbows kellhom staġun iebes hekk kif kisbu biss erba’ punti minn 20 logħba. Madankollu minkejja li kienu matematikament relegati, b’vot fil-Kunsill tal-MFA fil-25 ta’ Mejju li għadda, ġie deċiż li t-Tarxiniżi jibqgħu fil-Kampjonat Premier. Tarxien ilhom fl-ogħla diviżjoni mill-istaġun 2008/09.

Tags