Coronavirus Ewropa Internazzjonali Saħħa

Beijing lura f’lockdown wara żieda fil-każijiet

Ritratt: EPA
L-Iran f'theddida simili jekk ma jħarsux il-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa

New Zealand immarkaw 22 jum konsekuttiv mingħajr każi ġodda ta’ COVID-19. Dan il-pajjiż, b’popolazzjoni ta’ 5 miljuni, ilu ħamest ijiem mingħajr każi attivi ta’ Coronavirus, għalkemm xorta l-ajruport qed jinżamm magħluq għat-turisti.

Sa, il-kazi attivi madwar id-dinja qabzu s-7.7 miljuni, il-vittmi globali kwazi lahqu l-429,000 filwaqt li bħala total hemm mal-4 miljun ruħ li fiequ minn din il-marda.

Għalkemm fi bliet kbar bħal Beijing reġgħu feġġew numru ta’ każi abbinati ma’ suq ewlieni f’distrett fil-belt kapitali Ċiniża, bl-awtoritajiet qed jimponi mill-gdid miżuri ta’ lockdown. Il-vittmi fiċ-Ċina qabżu l-4,600 każ filwaqt li każijiet pożittivi fiċ-Ċina qabżu t-83,000, bl-awtoritajiet ma jgħoddux il-pazjenti bla sintomi.

Il-miżuri ta’ lockdown mistennija jerġgħu jiddaħħlu fl-Iran ukoll jekk il-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa ma jkunux imħarsa. Din it-twissija ħarġet minn fomm il-President Hassan Rouhani fid-dawl ta’ żieda sostanzjali ta’ każi ġodda ta’ COVID-19, skontu kawża ta’ dawk li qed iferrxu l-virus meta jżuru provinċji b’riskju baxx. L-aħħar figuri juru li s-Sibt, il-pajjiż irreġistra aktar minn 2,400 persuna ġdida infettata bil-COVID-19 għal total ta’ aktar minn 185,000.

Minkejja lockdown nazzjonali, l-Indja rreġistra l-ogħla qabża f’każijiet ta’ COVID-19 hekk kif is-Sibt żied aktar minn 11,400 każ f’ġurnata waħda, bit-total jaqbeż it-300,000. Dan il-pajjiż Ażjatiku huwa r-raba’ l-aktar pajjiż madwar id-dinja b’każijiet pożittivi għall-COVID-19, b’total ta’ aktar minn 145,000 każ attiv.

Iżda l-aktar pajjiżi li għadhom għarkuptejhom bil-COVID-19 huma dawk fl-Amerika Latina fejn il-virus qed ikompli jħalli aktar vittmi. Il-Brażil qabeż lir-Renju Unit biex issa jinsab it-tieni l-aktar pajjiz milqut, f’termini ta’ vittmi hekk kif iċ-ċifra tlaħħaq it-42,000. Il-pajjiż ilu mit-Tlieta li għadda jirreġistra aktar minn 1,200 vittma ta’ Coronavirus kuljum iżda l-President Bolsonaro ssokta jmewwet il-gravità tal-kriżi pandemika f’pajjiżu.

Il-Gvern Tajlandiż ħabbar li riċerkaturi f’dan l-ewwel pajjiż li importa l-COVID-19 miċ-Ċina bħalissa qed jiġbru kampjunu minn tip partikolari ta’ farfett il-lejl biex jittestjawhom għall-Coronavirus wara biża’ li jistgħu jkunu ta’ periklu għal saħħet il-poplu. Dan hekk kif l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa f’April saħqet li l-evidenza kollha disponibbli tissuġġerixxi li l-virus oriġina minn farfett il-lejl fiċ-Ċina.

Intant, il-krizi medika fl-Amerika qed twassal ghal battibekki politici kbar hekk kif il-pajjiz riesaq lejn elezzjoni. Joe Biden kien ahrax fil-kritika tieghu lejn il-President Amerikan. Hu qal li kien il-President Amerikan innifsu li dahhal lill-poplu fi krizi minhabba l-mod kif tratta l-Coronavirus.

Trump minn naħa tiegħu fi tmiem il-ġimgħa li ġejja se jibda bl-ewwel minn sensiela ta’ 4 rallies għall-kampanja Presidenzjali ta’ Novembru, b’dawk li se jattendu jridu jaċċettaw li l-President Amerikan mhuwiex responsabbli jekk jaqbdu l-virus. L-erba’ stati magħżula, Oklahoma, Arizona, Florida u Texas ilkoll raw żieda kbira ta’ każi ta’ Coronavirus, bl-attività f’Tulsa tmexxiet għas-Sibt biex ma taħbatx mal-anniversarju mit-tmiem tal-iskjavitù fl-Istati Uniti.

Fl-Ewropa, il-Gvern Brittaniku se jeżenta lill-President Franċiż, Emanuel Macron, u d-delegazzjoni tiegħu se jkunu eżentati mill-kwarantina fi żjara li se jagħmel f’Londra għand il-Prinċep Karlu ta’ Wales f’Clarence House nhar l-Erbgħa, biex jikkommemoraw it-80 anniversarju mid-diskors ta’ Charles De Gaulle tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Mill-banda l-oħra, il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, qiegħed jiġi investigat dwar id-dewmien biex jimponi lockdown f’Alzano u Nembro fil-Lombardija, reġjun mill-aktar milqut mill-pandemija fil-pajjiż. Dan hekk kif tobba u viroloġisti qalu li dan id-dewmien ta’ ħmistax għen lill-virus tant li l-imwiet fil-provinċja żdiedu bi kważi 600% meta mqabbel mal-5 snin ta’ qabel.

Fuq nota pożittiva, tħabbar li l-Iżvizzera u l-Ġermanja l-aktar żewġ pajjiżi ‘safe’ biex wieħed iżur filwaqt li Malta kklassifikat fl-44 post fi stħarriġ li sar waqt il-pandemija hekk kif ma’ kull ġurnata li tgħaddi, f’bosta pajjiżi qegħdin jittaffew l-effetti diżastrużi li ġabet magħha l-pandemija COVID-19.