Futbol Sport

Borussia Dortmund jirbħu fl-aħħar minuti tal-partita

(Ritratt: EPA)

F’partita mingħajr okkażjonijiet denji ta’ skor, Borussia Dortmund għelbu lil Fortuna Düsseldorf 1-0 b’gowl fil-95 ta’ ERLING HAALAND permezz ta’ daqqa ta’ ras wara kross tajjeb ta Akanji. Dortmund kellhom gowl mħassar bil-VAR fis-67 minuta meta xutt ta’ Halaand kien imblukkat  bil-ballun jaqa’ f’saqajn Guerreiro li b’xutt tajjeb għeleb lil Kastenmeier, bir-referee jħassar il-gowl peress li deher jikkontrolla l-ballun b’idu. Fit-82 minuta Düsseldorf resqu viċin meta xutt mid-distanza ta’ Skrzybski ħabat mal-wieqfa.

Werder Bremen barra minn darhom għelbu lit-tim tal-qiegħ Paderborn biex b’hekk ħadu ftit tan-nifs fil-ġlieda tagħhom kontra r-relegazzjoni. Werder Bremen ingħataw penalty fid-19 –il minuta meta Jamilu Collins deher imiss l-ballun b’idu, b’Milot Rashica jonqos milli jiskorja. Minuta wara Werder Bremen marru fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras ta’ DAVY KLAASSEN. It-tim ta’ Florian Kohfeldt irduppjaw fl-34 minuta meta mill-viċin YUYA OSAKO tefa’ f’lasta vojta. Ħames minuti wara, KLAASSEN skorja t-tieni gowl tiegħu b’xutt mill-isbaħ. Werder Bremen għamluhom 4-0 fid-59 minuta permezz ta’ MAXIMILIAN EGGESTEIN. Paderborn skorjaw l-gowl ta’ konsolazzjoni fis-66 minuta permezz ta’ ABDELHAMID SABIRI. Werder Bremen skorjaw l-aħħar gowl tagħhom fit-92 minuta permezz ta’ NICLAS FUELLKRUG.

Eintracht Frankfurt barra minn darhom għelbu lil Hertha Berlin 4-1. Kienu Hertha Berlin li marru fil-vantaġġ permezz ta’ gowl personali ta’ KRZYSTOF PIATEK. Hertha Berlin sfaw jilagħbu b’10 plejers minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima wara li Dedryck Boyata waqqa’ lil Bas Dost barra l-kaxxa bir-referre jkun kostrett li jkeċċi lil Boyata. Frankfurt bdew ir-rimonta fit-tieni taqsima u fil-51 minuta BAS DOST ġab id-draw wara pass tajjeb ta’ Andre Silva. Disa’ minuti wara bit-takkuna, ANDRE SILVA għamilhom 2-1 biex fit-68 minuta EVAN N’DICKA skorja t-tielet gowl. ANDRE SILVA skorja t-tieni gowl personali tiegħu fis-86 minuta wara xogħol tajjeb ta’ Stefan Ilsanker.

F’logħba mimlija gowls, Wolfsburg u Freiburg ġew fi draw ta’ 2-2. Wolfsburg marru fil-vantaġġ fl-14 –il minuta permezz ta’ WOUT WEGHORST wara pass ta’ Renato Steffen. Wolfsburg ħasbu li rduppjaw fit-22 minuta bil-gowl ta’ Daniel Ginczek ikun mħassar għal offside. WOUT WEGHORST irdoppja għal Wolfsburg permezz ta’ penalty fis-27 minuta. Daniel Ginczek reġa’ kellu gowl mħassar wara li permezz tal-VAR ir-referee nnota fawl. Ir-rimonta ta’ Freiburg bdiet fit-43 minuta meta’ LUCAS HOELER skorja b’daqqa ta’ ras. Freiburg ġabu d-draw minuta wara l-bidu tat-tieni taqsima permezz ta’ ROLAND SALLAI.

Barra minn darhom, Union Berlin għelbu lil Cologne 2-1. MARVIN FRIEDRICH tefa’ lil Union Berlin fil-vantaġġ fid-39 minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras. Union Berlin rduppjaw fis-67 minuta permezz ta’ CHRISTIAN GENTNER. Tard fil-ħin miżjud, Cologne naqqsu d-distakk permezz ta’ JHON CORDOBA b’ xutt minn barra l-kaxxa.