Coronavirus Futbol Sport

Il-Federazzjoni tal-Futbol Taljana tittama li l-partitarji jkunu jistgħu jirritornaw fil-grawnd ix-xahar li ġej

Il-President tal-FICG, Gabriele Gravina qal li jittama li l-partitarji jkunu jistgħu jirritornaw fl-istadiums Taljani x-xahar id-dieħel jekk il-każijiet tal-coronavirus ikomplu jonqsu fl-Italja.

Hu qal li kull ma jonqos hu l-aħħar pass biex il-futbol ikun irritorna b’mod normali fl-Italja u b’hekk jittama li n-normalità assoluta tibda minn  nofs Lulju. Gravina ma tax dettalji dwar kif se jkunu mqassma l-partitarji fl-istadium peress li l-prinċipju tad-distanza soċjali għadu fis-seħħ.

Numru ta’ kampjonati madwar l-Ewropa fosthom fis-Serbja diġa qed iħallu l-partitarji fl-istadiums filwaqt li fil-Polonja dan se jkun jista’ jseħħ minn nhar il-Ġimgħa bil-grawnds se jitħallew jimtlew sa 25%. Il-kampjonat Taljan jirritorna fi tmiem il-Ġimgħa li ġejja wara li fi tmiem din il-Ġimgħa rritornat il-Coppa Italia.