Coronavirus Festi Knisja Lokali

Il-Knejjes jerġgħu jiftħu l-bibien għall-quddiesa

Iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tirritorna fil-Festa ta' Corpus Domini bil-ħarsien tad-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa

Matul dan it-tmiem il-gimgha, propju ghall-Festa tal-Gisem u d-Demm ta’ Kristu, jew kif magħruf minn ħafna Corpus Domini, il-Knisja f’Malta u f’Għawdex reġgħu fetħu l-biben għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa bil-ħarsien tal-miżuri maħruġa mill-awtoritajiet tas-sahha.

Kien propju tliet xhur ilu li l-awtoritajiet ekkleżjatiċi waqqfu ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa bil-preżenza tal-Insara fil-Knejjes, tant li l-Festi tal-Għid il-Kbir, fost l-oħrajn, ukoll ġew iċċelebrati bil-bibien magħluqa.

Skont id-direttivi, il-knejjes jistgħu jilqgħu persuna waħda għal kull 4 metri kwadri. Iżda f’ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fil-miftuħ, bħal fuq xi zuntier, jista’ jkun hemm sa massimu ta’ 75 persuna.

Kulmin jattendi hu mitlub jilbes maskra jew visor matul il-Quddiesa kollha u d-dħul fil-Knejjes għandu jsir minn bieb wieħed biss … fejn se tkun qed tittieħed it-temperatura tal-persuna, li timsaħ idejha b’sanitizer.

Minn hemm, il-voluntiera tal-Parroċċi se jeskortaw lill-fidili lejn il-postijiet rispettivi, bil-familji li jgħixu taħt l-istess saqaf se jitħallew ipoġġu ħdejn xulxin. 

Matul iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, se jkun evitat kwalunkwe kuntatt fiżiku, inkluż l-għoti tal-Paċi.

U fit-Tqarbin, is-Saċerdot, li se jkun liebes maskra jew visor, wara li jkun mesaħ idejh b’sanitizer, se jersaq lejn il-fidili biex iqarbinhom f’posthom. Hu biss f’dan il-ħin li l-persuna tista’ tneħħi l-maskra jew il-visor.

Finalment, fi tmiem il-Quddiesa, l-Insara huma mitluba joħorġu mill-Knisja b’distanza ta’ żewġ metri bejniethom u mingħajr ma jieqfu jitolbu quddiem ix-xbihat.

Sadanittant, f’bosta Knejjes, il-Ħadd ma tonqosx il-Purċissjoni ta’ Corpus Domini, għalkemm mingħajr is-sehem tal-Insara … li huma mħeġġa biex joħorġu quddiem il-bieb tad-dar jew fil-gallarija ħalli jingħaqdu fit-talb waqt li tkun għaddejja l-purċissjoni bl-Ewkaristija.

F’dawn iċ-ċirkostanzi speċjali, l-Isqfijiet ta’ pajjiżna qalu li d-Dispensa mill-Quddiesa tal-Ħadd, li kienet ingħatat fil-bidu tal-pandemija, għalissa se tibqa’ fis-seħħ. Min-naħa l-oħra, NET Television se jibqa’ jxandar iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa ta’ kuljum, b’kollaborazzjoni ma’ CPI Media.