Lokali

Il-PN iniedi l-Konferenza Nazzjonali tal-Isport “L-Isports f’Pajjiżna: it-Triq ‘il Quddiem”

L-isports f’pajjiżna: it-triq ‘il quddiem hija t-tema ewlenija tal-Konferenza Nazzjonali tal-Isport li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza l-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju fis-6pm. Dettalji dwar din il-konferenza tħabbru llum mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isports Robert Cutajar fil-preżenza ta’ Robbie Ebejer Chairman ta’ Tim Sports PN u Pauline Briffa membru fi ħdan l-istess fergħa.

Matul din il-Konferenza se jiġu diskussi erba’ temi ewlenin. Dawn huma;
1) Informazzjoni dwar programmi ta’ fondi Ewropej li l-għaqdiet sportivi Maltin jistgħu jibbenifikaw minnhom;
2) L-użu bl-aktar mod effettiv tal-mezzi soċjali għall-promozzjoni tal-inizjattivi u l-attivitajiet li jiġu organizzati mill-għaqdiet sportivi Maltin;
3) Il-valuri fundamentali fl-isports;
4) L-isport għodda ewlenija biex niġġieldu r-razziżmu.

Robert Cutajar enfasizza li għall-Partit Nazzjonalista l-isport għandu jitħalla barra mill-arena tal-politika partiġġjana. Xhieda għal dan huma t-temi li se jiġu diskussi waqt din il-konferenza. Il-Partit Nazzjonalista huwa determinat illi minkejja mill-Oppożizzjoni se jkun qed jaħdem biex l-isports jibda jingħata l-attenzjoni xierqa u li jitpoġġa dejjem fuq quddiemnett tal-aġenda nazzjonali.

Fuq dan l-istess ħsieb Robert Cutajar fakkar li wasal iż-żmien kif f’pajjiżna l-isport jiġi elevat fuq livell ta’ Ministeru u ma jibqax aktar fil-livell ta’ Segretarjat Parlamentari. L-isports għandu jiġi trattat fejn apparti li jsiru l-isforzi kollha possibli biex il-livell fid-dixxiplini sportivi jkompli dejjem jitjieb m’għandna qatt ninsew l-effetti pożittivi li l-isports għandu biex ikollna dejjem aktar soċjeta’ b’saħħitha kemm fiżikament, psikoloġikament kif ukoll b’valuri ewlenin li jiggarantixxu ġenerazzjonijiet futuri aħjar.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Matthew Micallef St John Ground fil-Marsa, ħadu sehem ukoll Stevie Camilleri captain tat-tim nazzjonali tal-waterpolo u Sarah Chouhal atleta promettenti Maltija.

Flimkien ma’ dawn iż-żewġ sportivi, kelliema oħrajn waqt il-konferenza nazzjonali se jkunu qed jipparteċipaw d-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, Lara Tonna lecturer fl-Universita’ ta’ Malta, Rashed al-Tumi sportiv u Darren Grasso Direttur fi ħdan il-MEUSAC. Fi tmien tal-konferenza tal-aħbarijiet, Robert Cutajar flimkien mal-uffiċjali ta’ Tim Sport PN ngħataw l-opportunita’ li jiltaqgħu ma’ numru ta’ atleti li kienu qegħdin jagħmlu t-taħriġ tagħhom. Huma kienu milqugħa wkoll mill-President il-ġdid tal-Malta Amateur Athletics Association Andy Grech.

Sabiex jiġu rispettati r-rakomandazzjonijiet mill-awtoritajiet tas-saħħa din il-Konferenza se tkun miftuħa għal numru limitat ta’ nies li jistgħu jattendu fiżikament u se tkun qed tingħata l-faċilita wkoll li wieħed ikun jista jieħu sehem u jipparteċipa b’mod virtwali permezz ta’ ZOOM. Dawk kollha interessati li jieħdu sehem f’din il-Konferenza Nazzjonali huma ġentilment mitluba jirreġistraw fuq dan il-link: https://docs.google.com/forms/d/1lj1oAKh9uGD9-06ZQ38fvcXoSa_WjdSD9zYeoWRy-CQ/viewform?edit_requested=true