Lokali

Ir-riforma u t-tiġdid tal-PN: Flimkien mal-poplu għall-ġid komuni

Fil-jumejn li għaddew il-Kumitat Eżekuttiv adotta abbozz ta’ statut ġdid li mistenni jixpruna l-Partit Nazzjonalista f’għodda qawwija ta’ ġid għall-poplu Malti u Għawdxi. Id-dokument ta’ sitt taqsimiet u mija u sebgħin artikolu issa mistenni jgħaddi għand il-Kunsill Ġenerali għad-diskussjoni u l-approvazzjoni finali. It-timbru li joħroġ ċar mit-tibdil propost hu ta’ Partit Nazzjonalista bħala partit tan-nies b’vokazzjoni li kull min jaħdem fih irid iservi biss l-interess tal-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dan it-tibdil qed iseħħ wara proċess twil ta’ konsultazzjonijiet ma’ kull saff fi ħdan il-partit kif ukoll ma’ ħafna nies li urew interess fil-proċess tar-riforma u tiġdid tal-PN. Dan il-proċess mexxieh Louis Galea fuq inkarigu li kien tah il-Kap tal-Partit f’Lulju tas-sena li għaddiet.

Il-Kumitat Eżekuttiv approva stqarrija ġdida ta’ missjoni u viżjoni li tirrifletti l-valuri u l-ideali li dejjem ħaddan il-partit aġġornati għall-bidliet u l-bżonnijiet tas-soċjetà llum. (Ara kopja ta’ din l-istqarrija bil-Malti u bl-Ingliż hawn mehmuża)

L-emendi huma maħsuba li jimmodernizzaw il-partit, jagħtuh xejra ġdida u jintroduċu sensiela ta’ elementi ġodda għall-istruttura u l-organizzazzjoni tal-partit li:

1) Jagħtu mill-ewwel idea ta’ organizzazzjoni bottom-up bil-mod kif huma strutturati t-taqsimiet tal-istatut u fl-istess ħin jinsisti fuq distinzjoni ċara bejn il-politika tal-partit u l-operat finanzjarju tal-entitajiet kummerċjali tiegħu b’mod li dawn jitmexxew fuq bażi aktar trasparenti u kummerċjali.

2) Jaffermaw bl-aktar mod kategoriku li l-ebda intolleranza jew diskriminazzjoni mhi aċċettata fil-konfront ta’ ħadd. F’artikolu fil-bidu jsostni wkoll li “L-ebda persuna ma tista’ tiġi prekluża minn sħubija fil-partit fuq xi bażi ta’ diżabilità, sess, orjentament sesswali, razza, twemmin reliġjuż, jew identità tal- ġeneru.”

3) Jassiguraw saħħa kbira fil-partit favur il-prinċipju tal-ugwaljanza u l-gender mainstreaming biex jaħdem għall-mira ta’ partit li fit-tmexxija tiegħu fil-livelli kollha jkun mibni fuq għallanqas 40% nisa, 20% żgħażagħ u 40% irġiel. Inħolqot kategorija ġdida fis-sħubija ta’ membri assoċjati għal dawk il-barranin reġistrati bħala votanti għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jew tal-Parlament Ewropew.

4) Jiddaħħal saff ġdid fl-organizazzjoni ta’ livell reġjonali minflok sempliċiment distrettwali.

5) Jirrijorganizzaw l-uffiċjalità tal-partit b’funzjonijiet ġodda: Segretarju Ġenerali bi rwol ridefinit, President għal Riċerka Politika u ieħor għal Djalogu Soċjali u Outreach.

6) Il-fergħat baqgħu bejn wieħed u ieħor l-istess, b’żieda ta’ fergħa għall-isport u forum għall-aħjar kordinament tagħhom.

7) Jiċċaraw l-kompożizzjoni u l-funzjoni tat-tim tat-tmexxija.

8) Jiċċaraw l-elementi tal-elezzjoni tal-Kap u tal-Viċi Kap. Il-Kap se jibqa’ finalment jiġi elett mit-tesserati.

9) Jdaħħlu provvedimenti li jsaħħu l-ELCOM u d-direzzjoni tal-Komunikazzjoni tal-partit.

10) Is-sehem tal-Kunsillieri Lokali ġie rikonoxxut b’iktar saħħa għaliex minn tliet rappreżentanti fl-Eżekuttiv telgħu għal 13, wieħed minn kull distrett.

11) Jintroduċu Kunsill Konsultattiv Anzjan ippresedut mill-Kap tal-Partit kompost minn dawk il-persuni li f’xi żmien servew bħala Kap, Viċi Kap jew Segretarju Ġenerali tal-Partit u li jkunu irtiraw minn kull kariga li seta’ kellhom fil-Partit.

12) Jirridefinixxu l-kompożizzjoni u l-funzjonijiet ta’ Kummissjonijiet Kandidati u dik Etika u Dixxiplina filwaqt li nħolqot Kummissjoni ġdida Elettorali rekords u data.

13) Jikkonfermaw li l-ilsien uffiċjali tal-partit huwa l-ilsien Malti.

Il-pass li jmiss minn din ir-riforma issa huwa li jiltaqa’ l-Kunsill Ġenerali li huwa l-organu tal-partit li jista’ japprova tibdil fl-istatut. Dan se jibda jiltaqa’ mill-Ħamis 25 ta’ Ġunju li ġej.