Lokali

Jallegaw li biex jieħdu sponsor kienu jkellmu direttatament lil Lionel Gerada

Metodu deskritt bħala wieħed stramb

Biex wieħed jieħu sponsorships mill-Awtorità tat-Turiżmu kellu żewġ metodi: jew billi jagħmel użu mill-mezzi uffiċjali jew billi jkellem lil Lionel Gerada.

Dan ħareġ minn dokument uffiċjali żvelat mis-sit The Shift News.

Lionel Gerada hu l-persuna li jieħu ħsieb il-baġit ta’ miljuni ta’ ewro bħala Kap tal-Avvenimenti fl-MTA. Hu ngħata din il-kariga għolja fl-Awtorità tat-Turiżmu meta kien qed jaħdem qrib ħafna tal-Partit Laburista u tal-Ministru tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien Konrad Mizzi.

Mijiet ta’ applikazzjonijiet li jammontaw f’eluf ta’ ewro ta’ sponsorhips ħolqu kontroversja, tant li bħalissa qed ikunu skrutinizzati sew mill-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, il-PAC.

The Shift News qal li numru ta’ applikazzjonijiet kellhom dettall importanti nieqes – l-isem tal-applikant, għax minflok, dawn kellhom miktub nota fil-ġenb li kienet tgħid: “Kellimna lil Lionel”.

Dan il-metodu, deskritt bħala wieħed stramb, ġibed l-attenzjoni ta’ dawk kollha fil-PAC, hekk kif l-istess Kumitat staqsa numru ta’ domandi lill-Kap Eżekuttiv tal-MTA Leslie Vella dwar in-nota li ssemmi lil Lionel.

Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, li jipparteċipa f’dan il-Kumitat, staqsa x’kienet ir-raġuni li fuq numru ta’ applikazzjonjiet kien hemm din in-nota, kif ukoll din in-nota x’kienet timplika eżatt.

The Shift News irrapporta li kien hemm applikazzjoni għal sponsorship li l-ammont tagħha kien jammonta għal madwar €800,000 mill-MTA. Madankollu, għadu mhux magħruf jekk din l-applikazzjoni ġietx approvata jew le.

Sadanitant, dwar din l-aħbar, il-Ministeru tat-Turiżmu baqa’ sieket jekk hux se jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Lionel Gerada, bil-Ministru Julia Farrugia tirrifjuta li twieġeb numru ta’ domandi tal-media.