Lokali Qorti

Jibqa’ arrestat is-suspettat fuq traffikar ta’ droga li nstabet f’garaxx fil-Mosta

Raġel li nhar il-Ħamis ġie arrestat fuq ħames kilos droga kannabis li nstabet fil-Mosta baqa’ miżmum taħt arrest wara li tressaq il-Qorti b’urġenza s-Sibt. Huwa wieġeb mhux ħati ta’ pussess u traffikar ta’ droga kif ukoll ġie akkużat fuq ħasil ta’ flus.

Jeffrey Cassar, ta’ 36 sena, ġie arrestat nhar il-Ħamis wara li l-Pulizija waqqfu lilu u tfajla Russa ta’ 22 sena li kienet miegħu fil-karozza. It-tfajla residenti s-Siġġiewi u Cassar intlemħu jiniżlu mill-karozza u daħlu f’garaxx.

Uffiċjali tal-Pulizija sabu €10,000 fi flus kontanti kif ukoll munzell tad-droga, li kien maqsum f’pakketti, fil-garaxx tad-dar tiegħu fi Triq il-Buffula l-Ħamra fil-Mosta. F’din l-operazzjoni l-Pulizija elevat ukoll diversi karozzi lussużi.

Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ kontra d-Droga kienet ilha jsegwi diversi movimenti fuq dan il-każ li kienet qegħdin iseħħu anke fl-inħawi ta’ fejn hemm l-garaxx għal diversi jiem. Kien hemm li l-Pulizija sabet lil Cassar li kien fejn karozza.

Il-Pulizija arrestat tliet persuni li kienu ġewwa d-dar dak il-ħin iżda ħelsithom fuq Police Bail. Kienet arrestat ukoll mara ta’ 58 sena li tgħix f’residenza li hija parti mill-garaxx u li fil-karozza tagħha nstabet id-droga.

L-avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Alfred Abela għamlu talba għall-ħelsien, li sabet oġġezzjoni minn naħa tal-Prosekuzzjoni minħabba li għadha għaddejja nvestigazzjoni dwar il-każ.

Id-difiża qalet li Cassar għandu familja u tifla żgħira. L-Ispettur Anthony Scerri li ressaq lill-akkużat qal li l-Pulizija għadha trid tikkonkludi l-investigazzjoni tagħhom u nġibdet l-attenzjoni dwar ir-rekord kriminali varjat tiegħu.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest u laqgħet ukoll talba mill-Prosekuzzjoni biex jiġu ffriżata l-assi ta’ Cassar. Huwa se jista’ jkollu disponibbli biss €13,000 fis-sena biex ikun jista’ jħallas għall-bżonnijiet bażiċi tiegħu.