Lokali

Illum ikompli l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista

Illum l-Partit Nazzjonalista se jkompli jlaqqa’ l-Kumitat Ezekuttiv li qed jiddiskuti u japprova l-emendi għall-iStatut ġdid tal-Partit. Il-Kumitat Eżekuttiv huwa l-organu li jfassal u jiddeċiedi l-politika tal-partit u jagħti d-direttivi meħtieġa għat-tmexxija tal-Partit.  Hekk kif il-Kumitat Eżekuttiv jadotta l-istatut il-ġdid, ser jitlaqqa’ il-Kunsill Ġenerali li jagħti l-approvazzjoni definittiva tiegħu.

Id-diskussjoni li bdiet ilbieraħ u qed tkompli dalgħodu, hija meqjusa waħda storika għax se tkun qed tbiddel u ssaħħaħ l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista, wara r-riforma li kien nieda l-Kap tal-PN Adrian Delia eżatt sena ilu. Il-proċess tar-riforma u tiġdid tal-partit nazzjonalista, inkluż l-abbozzar tal-emendi għal statut ġdid, tmexxa mill-eks Ministru minn Louis Galea.

F’140 sena ta’ storja, din taf tkun waħda mill-akbar riformi fil-partit; rifroma determinati biex jissawwar il-futur tal-PN. U huwa propju għalhekk li dan l-Eżekuttiv qed ikun ittimbrat bħala wieħed storiku, li qed isir wara proċess wiesgħa ta’ konsultazzjoni, anke ma’ nies minn barra l-Partit.

Il-laqgħa qed titmexxa mill-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calasacione, b’numru ta’ membri jieħdu sehem fid-diskussjoni permezz ta’ pjattaforma online sabiex jigu assigurati d-distanzi soċjali imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa.

L-Eżekuttiv qed isir ukoll ftit tal-jiem biss wara li l-PN diga’ preżenta waħda mill-aktar bidliet importanti, li tinkludi t-twaqqif ta’ gruppi ta’ azzjoni magħrufa bħala ‘clusters’.