Futbol Sport

Juventus u Napoli fil-finali tal-Coppa Italia

Wara li ilbieraħ, Juventus kkwalifikaw għal finali tal-Coppa Italia, Napoli saru t-tieni tim li kwalifika u b’hekk nhar l-Erbgħa fi Stadio Olimpico f’Ruma se jiltaqgħu fil-finali tat-73 edizzjoni tal-Coppa Italia.

Fi Stadio Sao Paolo, Napoli u Inter ġew fi draw ta’ 1-1 iżda kienu Napoli li kwalifikaw wara li fl-ewwel leg huma għelbu lil Inter 1-0 b’gowl ta’ Fabian Ruiz. Inter fetħu tajjeb u mill-ewwel urew l-intenzjonijiet tagħhom. Kien corner dirett fit-3 minuta ta’ CHRISTIAN ERIKSEN li qarraq għalkollox bil-gowlkiper u d-difiżda ta’ Napoli li tefa’ lil Inter fil-vantaġġ.

Inter resqu li jkabbru l-vantaġġ fit-33 minuta meta minn kross ta’ Ashley Young, id-daqqa ta’ ras ta’ Romelu Lukaku ġiet salvata minn Ospina. Napoli ġabu d-draw żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima minkejja d-dominanza ta’ Inter tul l-ewwel 45 minuta.

Ospina, lagħab ballun dirett fuq Lorenzo Insigne li qassam fil-baxx lejn DRIES MERTENS li ma żbaljax. Fit-tieni taqsima Napoli dehru aktar kunfidenti minn Inter u għarfu jżommu l-iskor sal-aħħar minkejja l-isforzi ta’ Inter biex jiskorjaw l-gowl tar-rebħa.