Ambjent Lokali Qorti

Kawża kontra l-Awtorità tal-Ippjanar dwar nuqqasijiet b’rabta mas-sit tal-Jerma

Ritratt: Bernie Dimech
Seba' għaqdiet jieħdu l-Awtorità tal-Ippjanar il-Qorti dwar irregolaritajiet fid-Development Brief għal-lukanda Jerma

Seba’ għaqdiet fetħu kawża kontra l-Awtorità tal-Ippjanar wara li din naqset milli tirtira d-Development Brief difettuż għas-sit tal-lukanda Jerma f’Wied il-Għajn.

Din ħarġet minn stqarrija ffirmata minn Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Green House, il-Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, l-Assoċjazzjoni Maltija tar-Ramblers u s-Soċjetà Maltija tal-Arkeoloġija.

Is-seba’ għaqdiet kienu ppreżentaw protest ġudizzjarju lill-Awtorità f’Mejju li għadda talli implimentat proċedura ta’ konsultazzjoni mtappna bl-irregolaritajiet fir-rigward tad-Development Brief għas-sit ta’ dik li kienet il-lukanda Jerma f’Wied il-Għajn.

Filwaqt li l-Pjan Lokali jimmarka l-limiti taż-żona li hija suġġetta għad-Development Brief (u ż-żona hija wkoll iddemarkata fi tliet mapep), fl-eżerċizzju tad-Development Brief, l-Awtorità ddeċidiet li tinkludi aktar żoni minn dawk immarkati fil-Pjan Lokali.

Il-brief żied żona ekoloġika, li għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku u li fuqha ma hija permessa l-ebda żieda fl-għoli jew fil-volum tal-bini, kif ukoll sit ta’ patrimonju storiku li għalih diġà teżisti policy.

Barra minn hekk, l-Awtorità b’mod arbitrarju għall-aħħar speċifikat żona ta’ 100,000 metru kwadru li għandha tiġi żviluppata fi ħdan is-sit.

L-istqarrija tgħid li minħabba l-fatt li dan l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni ma kienx konformi mal-liġijiet u l-policies applikabbli, l-għaqdiet taw għaxart iijiem lill-Awtorità sabiex tirtira l-eżerċizzju difettuż tal-Jerma Development Brief.

Wara li l-Awtorità tal-Ippjanar naqqset milli tagħmel dan, l-għaqdiet ma kellhom ebda għażla oħra ħlief li jiftħu kawża l-Qorti kontra l-istess Awtorità.

L-istqarrija tas-7 għaqdiet temmet tgħid li kieku d-Development Brief difettuż propost mill-Awtorità kellu jgħaddi, dan iwassal għal proġett ta’ żvilupp massiv li jħalli impatt negattiv fuq l-infrastruttura ta’ Wied il-Għajn u l-ħajja tar-residenti, mingħajr ebda benefiċċju fit-tul għar-raħal.

Ritratt: Bernie Dimech