Coronavirus Lokali

Każ wieħed ġdid ta’ Covid-19 – każ ieħor jirkupra

L-ammont ta’ każi attivi ta’ Coronavirus f’pajjiżna baqa’ 36, hekk kif fl-aħħar 24 siegħa rriżulta każ wieħed pożittiv ġdid, filwaqt li persuna li kienet attiva, irriżultat bħala mfejqa.

Dan ħareġ mill-aġġornament ippubblikat fil-paġna tal-Ministeru tas-Saħħa fuq Facebook – l-uniku mod kif il-Gvern qed jagħti l-aġġornamenti dwar il-qagħda tal-virus f’pajjiżna.

B’dawn iċ-ċifri, it-total tal-każi pożittivi f’pajjiżna issa tela’ għal 646, b’601 persuna fiequ u disa’ persuni tilfu ħajjithom.

Hekk kif issa pajjiżna daħal fil-15-il ġimgħa minn meta feġġ l-ewwel każ, fil-ġimgħa li għaddiet kien hemm total ta’ 20 każ ġdid.

Fosthom il-każ ta’ anzjana ta’ 98 sena, residenti fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla, li kienet waħda mill-ħames każi rrappurtati l-Ġimgħa u li filgħaxija kienet ikkonfermata mill-Ministeru tas-Saħħa.

Minħabba dan il-każ, ġie deċiż li jitwaqqfu temporanjament iż-żjarat minn barra f’din id-Dar bħala prekawzjoni. Dan hekk kif saru swab tests fuq il-ħaddiema u l-anzjani tar-residenza.

Il-Ministeru spjega li l-anzjana rriżultat pożittiv fost it-testijiet ta’ rutina li qed isiru fid-Djar tal-Anzjani.

Fl-aġġornament fuq Facebook kien spjegat ukoll li l-każ tas-Sibt ma hu bl-ebda mod relatat mal-każi li diġà kienu mħabbra.