Lokali Qorti

Kumpens ta’ ftit aktar minn €182,000 għall-ħaddiem li weġġa’ l-Freeport

Raġel ta’ 48 sena li kien jaħdem il-Freeport u li sofra minn 16.3% ta’ diżabilità ngħata kumpens ta’ ftit aktar minn €182,000 wara li fil-15 ta’ April tal-2014 weġġa’ serjament waqt xogħol li kien qed jagħmel fil-Port Ħieles

Roderick Gauci kien waqa’ sular meta kien qed jaħdem fuq il-bastiment tal-merkanzija Titan. Ir-raġel ma setax ikompli jaħdem wara li sofra diżabilità f’wiċċu, ksur f’idejh u ġrieħi f’għajnejh li wasslu biex jitlef parti mill-vista.

Huwa tenna li l-bastiment kellu diversi nuqqasijiet u fost affarijiet oħra ma kienx hemm lqugħ tajjeb fil-post bħala protezzjoni u dan wassal biex tilef il-bilanċ u waqa’.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff qalet li l-kumpens irid jingħata mill-Freeport u mill-kumpanija Carmelo Caruana Limited, li l-bastiment li fuqu weġġa’ Gauci, jagħmel parti mill-flotta tal-kumpanija, u li hija l-aġent tal-bastiment.

Fil-Qorti rriżulta li r-raġel sofra danni ta’ €54,000 fi spejjeż tat-tobba u telf ta’ xogħol. Minn naħa tagħha, l-Malta Freeport Terminals qalet li l-ħaddiem ma kienx tagħha pero l-Qorti qalet li kemm il-Freeport u l-kumpanija tal-bastiment huma responsabbli ugwalment.

Il-Qorti ordnat lil Malta Freeport Terminals u l-kumpanija Carmel Caruana Limited, biex iħallsu l-kumpens bl-ispejjeż u bl-imgħaxijiet legali mid-data tas-sentenza sad-data tal-ħlas effettiv.

Gauci kien beda proċeduri fil-Qorti u qal li dan l-inċident seħħ minħabba li l-kumpaniji, naqsu milli jipprovdu ‘a safe working environment’ għall-ħaddiema tax-Xatt, u aġixxew b’imprudenza, imperizja, negliġenza u nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti, skont il-liġijiet li jirregolaw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

Roderick Gauci qal li kien ilu jaħdem bħala ħaddiem tax-Xatt għal aktar minn 10 snin, u xogħlu jinvolvi l-irbit u l-ħall ta’ containers fuq il-vapuri, l-installazzjoni ta’ twist locks fuq il-vapuri sabiex il-containers jikklippjaw ma’ xulxin, kif ukoll is-sewqan ta’ trakkijiet fil-Freeport fejn tinħatt u titgħabba l-merkanzija.

Huwa spjega li x-xogħol ta’ ħatt u rbit ta’ containers fuq il-vapuri jsir bejn żewġ ħaddiema sabiex dawn jassistu lil xulxin. Żied jgħid li l-istess tip ta’ xogħol isir fuq ċiklu ta’ 15-il ġurnata, u li l-ħaddiema tax-Xatt jiġu nfurmati minn qabel dwar liema tip ta’ xogħol ikunu ser jiġu assenjati fi skeda partikolari.

Qal li dakinhar li seħħ l-inċident, hu kien qiegħed jagħmel xogħol magħruf bħala lashing, jiġifieri xogħol ta’ ħall u irbit ta’ containers fuq il-vapuri. Qal li f’kull shift, il-foreman inkarigat mill-Malta Freeport Terminals Limited jieħu ħsieb jassenja x-xogħol li jkun hemm lill-ħaddiema tax-Xatt.

Żied jgħid li xogħol il-foreman ma jinvolvix li dan jitla’ abbord il-bastiment sabiex jara jekk il-kundizzjonijiet abbord humiex tajbin biżżejjed biex il-ħaddiema jagħmlu x-xogħol tagħhom. Qal li dakinhar li seħħ l-inċident, huwa kien mar fl-uffiċċju tal-ħaddiema tax-Xatt ġewwa l-Freeport fejn jiġi assenjat ix-xogħol mill-foreman, li dakinhar tal-inċident kien ċertu Omar Pisani.

Qal li għall-ħabta tas-6.00pm., daħal il-vapur CMA CGM Titan, li kellu bżonn jinħatt minħabba li l-containers li kien hemm fuqu kienu destinati għal Malta.

Tenna li l-foreman kien assenja diversi ħaddiema sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol, u huwa kien ġie pareġġat ma’ ċertu Mark Busuttil sabiex ikun jista’ jaħdem miegħu.

Spjega x-xogħol li kellu jagħmel sabiex ikun jista’ jħoll il-containers, u żied jgħid li hekk kif ipprova jaqla’ waħda mill-ħadidiet tal-container partikolari li kien qiegħed jaħdem fuqu, ħassu jaqa’ lura bir-riżultat li baqa’ nieżel għal isfel.

Huwa qal li dan seħħ għax ma kien hemm l-ebda tip ta’ ilqugħ bħala protezzjoni. Hu spjega li mal-waqgħa intilef minn sensih għal xi ħin, u wara ħass uġigħ kbir. Żied jgħid li hu tniżżel mill-vapur permezz ta’ stretcher, ġo tip ta’ gaġġa mdendla ma’ crane, u wara ttieħed l-Isptar.

Sostna li t-tobba li eżaminawh fl-Isptar Mater Dei kienu infurmawh li kien qiegħed isofri minn ksur f’idu l-leminija, u li kellu wkoll qasma f’għajnu tal-lemin għax kien intlaqat il-muskolu t’għajnu l-leminija.

Qal li kien sar intervent kirurġiku fuq idu l-leminija, fejn iddaħħallu ħadid u xi viti, u t-tobba kienu qalulu li l-ħsara li sofra fil-muskolu t’għajnu l-leminija ma setgħetx titranġa.

Żied jgħid li xi żmien wara l-ewwel intervent, kellu bżonn intervent ieħor minħabba kumplikazzjonijiet li nqalgħulu. Tenna li wara l-inċident huwa spiċċa tilef parti mill-vista, u baqa’ jħoss uġigħ kontinwu u sensazzjoni ta’ nefħa fuq l-għajn affettwata. Qal ukoll li wara l-inċident, huwa għad għandu limitazzjonijiet fl-użu ta’ idu.

Gauci qal fil-Qorti li l-inċident inkwistjoni seħħ għaliex meta l-bastiment daħal Malta, dan kellu diversi nuqqasijiet, fosthom nuqqas ta’ lqugħ, kif ukoll l-attitudni ta’ xejn mhu xejn tal-membri tal-ekwipaġġ fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jitilgħu jaħdmu abbord.

Ġie stabbilit mill-esperti mediċi li eżaminaw lil Gauci wara l-inċident, li dan kien qiegħed isofri minn żewġ tipi ta’ diżabilità permanenti, dik ortopedika u dik oftalmoloġika.

L-esperti mediċi waslu għallkonklużjoni li d-diżabilità permanenti sofferta mil-lat ortopediku hija ta’ 7%, filwaqt li d-diżabilità permanenti sofferta minnu mil-lat oftalmoloġiku hija ta’ 25%.

Minkejja dan, Thomas Fenech, konsulent fil-qasam tal-oftalmoloġija, wera l-fehma li din ir-rata ta’ diżabilità tista’ tiġi tradotta f’diżabilità permanenti ta’ 10% fit-totalità tal-persuna.

L-esperti mediċi maħtura mill-Qorti waslu għall-konklużjoni li ddiżabilità permanenti mil-lat ortopediku hija ta’ 2% u ta’ 10% mil-lat oftalmoloġiku. Huma kkonkludew li dan iwassal għal rata ta’ diżabilità ta’ 12% fit-totalità tal-persuna.

Il-Qorti ħatret ukoll esperti mediċi addizzjonali li wrew il-fehma li mil-lat ortopediku l-attur qiegħed isofri minn diżabilità permanenti ta’ 7%, għalkemm dawn l-esperti qalu wkoll li hemm grad ta’ diżabilità mil-lat oftalmoloġiku li huma ma kkonsidrawx fir-relazzjoni tagħhom.

Il-Qorti qalet li hija tal-fehma li għandha tadotta persentaġġ medju tad-diversi rati ta’ diżabilità permanenti li waslu għalihom l-esperti mediċi maħtura minnha, u għal dan il-għan adottat is-7% tal-periti addizzjonali fir-rigward tad-diżabilità ortopedika u l-10% tal-konsulent oftalmoloġiku.

Mill-kalkolu li għamlet il-Qorti, il-media tad-diżabilità permanenti li sofra l-vittma jagħtu diżabilità globali ta’ 16.3%. Skont il-liġi, f’kawżi ta’ din ix-xorta wassal għal żvilupp ieħor importanti, dak li jsir tnaqqis ta’ 20% minħabba li l-ħlas tal-kumpens qiegħed isir f’darba (lump sum payment). Il-Qorti waslet għall-kumpens ta’ €182,634.87.