Futbol Sport

L-Eks President tal-FIFA investigat dwar self ta’ flus

L-Eks President tal-FIFA, Sepp Blatter qiegħed jiġi nvestigat mill-awtoritajiet fl-Iżvizzera dwar allegat self ta’ aktar minn miljun ewro lil assoċjazzjoni tal-futbol tat-Trinidad and Tobago li seħħ fl-2010.

Din l-investigazzjoni hija waħda minn sensiela li qed iwettqu l-awtoritajiet Żvizzeri u dawk Amerikani b’rabta ma’ ħlas mill-FIFA li minnhom kien qiegħed jibbenifika l-Eks Viċi-President ta’ Trinidad Jack Warner li qiegħed jiġġieled biex ma jiġix estradit lejn l-Istati Uniti. Warner kien ukoll involut fl-elezzjonijiet tal-FIFA qabel ma fl-2011 kellu jirriżenja wara li kien implikat f’korruzjoni fil-voti.

Flimkien ma’ Blatter qed ikun hemm investigati wkoll Markus Kattner li kien Direttur Finanzjarju u Jerome Valcke li kien Segretarju Ġenerali. Sepp Blatter kien President tal-FIFA bejn l-1998 u l-2018 fejn fl-aħħar snin kien fid-dawl ta’ numru ta’ investigazzjonijiet b’rabta ma’ korruzzjoni.