Internazzjonali

L-Iżvizzera u l-Ġermanja l-aktar siguri

L-impenn tal-Gvern iwassalna fl-44 post

Huma l-Iżvizzera u l-Ġermanja l-aktar żewġ pajjiżi ‘safe’ biex wieħed iżur hekk kif ma’ kull ġurnata li tgħaddi qegħdin f’bosta pajjiżi jittaffew l-effetti diżastrużi li ġabet magħhom l-pandemija COVID-19.

Dan skont stħarriġ, pubblikat ilbieraħ, li sar minn dak magħruf bħala Deep Knowledge Group, konsorzju ta’ fiduċja ffurmat minn diversi kumpaniji li s-sidien tagħhom huma Deep Knowledge Ventures, kumpanija stabbilita ta’ investiment iffurmata fl-2014 f’Hong Kong.

Dan l-istudju sar aktar minn darba matul ix-xhur tal-pandemija imma f’dan l-aktar wieħed reċenti kienu nnutati bidliet meqjusa bħala sinifikattivi.

Ta’ min jinnota li Malta, f’din l-aktar klassifika aġġornata, tikklassifika fl-44 post, segwita minn Spanja u l-Portugall.

L-aktar pajjiżi meqjusa sikuri huma f’din l-ordni: L-Iżvizzera, il-Ġermanja, Iżrael, Singapore, il-Ġappun, l-Awstrija, iċ-Ċina, l-Awstralja, New Zealand u l-Korea t’Isfel.

Min-naħa l-oħra l-aktar 10 pajjiżi riskjużi, dejjem skont dan l-istħarriġ, huma: Il-Brażil, il-Marokk, l-Alġerija, il-Ħonduras, il-Paragwaj, il-Perù, l-Indonesja, il-Kambodja, Laos u l-Baħamas.

L-Istat tal-Vatikan u l-Italja kklassifikaw rispettivament fit-52 u t-53 post waqt li r-Renju Unit jinsab fit-68 post.