Lokali

Nistgħu nkabbru l-ekonomija mingħajr ma nkassbru r-reputazzjoni ta’ pajjiżna – PN

Irridu li kulħadd jieħu dak li ħaqqu bi dritt mingħajr il-bżonn tal-korruzzjoni u mingħajr ma nibqgħu ninsterqu biex igawdu ‘l ftit

“Aħna rridu li nkabbru l-ekonomija mingħajr ma nkassbru r-reputazzjoni tagħna, fejn kulħadd jaħdem, jaqla’ l-flus u jibqa’ jikber mingħajr il-bżonn tal-korruzzjoni u fejn kulħadd jieħu dak li ħaqqu bi dritt. Mingħajr ma ħadd jitkarrab għall-pjaċir u fejn iċ-ċittadin ma jibqax iħossu żgħir quddiem il-politiċi. Robert Abela minflok jagħti liż-żgħir qed jibqa’ jagħti biss lill-ġganti.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat mill-ġurnalista ta’ Newsbook Sylvana Debono.

Il-PN qed jinżel fl-għeruq biex iwassal politika min-nies għan-nies

Adrian Delia qal li l-korruzzjoni għandha prezz li qed iħallsuha l-ħaddiema u l-familji tagħhom. Dan meta fost ħafna deals ħżiena, n-nies qegħdin jinsterqu €90 miljun fis-sena u nagħtuhom lil Steward għat-tliet sptarijiet mingħajr ma nieħdu xejn lura u qed nagħtu €96 miljun oħra fis-sena lil Electrogas meta n-nies għadhom qegħdin jinsterqu mill-kontijiet tad-dawl, tajna €4.5 miljun lil VistaJet f’reklamar u ma ħadna xejn minnhom u €50,000 għall-kunjatu taċ-Chairman tal-MTA. Adrian Delia qal li dawn huma kollha flus tan-nies li minflok stajna investejnihom lura f’min qiegħed jaffaċċja d-diffikultajiet f’dan iż-żmien tal-pandemija, f’min qed ibati biex jasal sal-aħħar tax-xahar, f’min tilef xogħlu u fil-pensjonanti li ġew minsija mill-Gvern u ma jistgħux jgħixu ħajja diċenti bil-pensjoni. Dan huwa l-messaġġ ewlieni tal-PN, li aħna nistgħu nkabbru l-ekonomija mingħajr ma nkassbru r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, fejn tmur tajjeb u aħjar mingħajr il-bżonn tal-korruzzjoni u fejn il-ġid li jinħoloq jasal verament għand kulħadd. Huwa qal li l-10 punti tal-‘Pjan għal Malta’ għall-irkupru ekonomiku wara l-pandemija huma l-viżjoni tagħna kif irridu li nimxu ‘l quddiem fejn inkabbru l-ekonomija tagħna mingħajr ma nkassbru r-reputazzjoni tagħna.

Adrian Delia qal li matul dan iż-żmien, il-PN kien proattiv u ressaq ammont kbir ta’ proposti għal dan iż-żmen tal-pandemija, li uħud minnhom aċċettahom ukoll il-Gvern u ressaqhom fil-miżuri li ħabbar, iżda fadal ħafna iżjed x’jista’ jsir għaliex filwaqt li rridu ngħinu lin-negozji rridu wkoll ninvestu fil-ħaddiema u fil-familji tagħhom. Dan meta hawn iktar minn 11,000 persuna bla xogħol li rridu nagħtuhom it-tama billi nattiraw setturi ekonomiċi ġodda u noħolqu iktar postijiet tax-xogħol ġodda filwaqt li nuru d-direzzjoni li rridu nwasslu lil pajjiżna wara l-pandemija.  Minflok iżda l-Gvern qed jikkwota l-istatistika kif irid hu u għalih iktar minn 7,000 persuna bla xogħol u l-familji tagħhom ma jeżistux. Huwa qal li l-Gvern ressaq biss short term measures for long term problems biex naslu sa Settembru, qed iżommna biss fil-wiċċ tal-ilma minflok itellgħana fuq il-bastiment u jwassalna fid-destinazzjoni li nixtiequ sabiex jurina fejn irridu naslu wara dan iż-żmien. Dan meta Robert Abela ħataf l-istazzjon pubbliku sabiex iwassal il-propoganda u l-Ministri li ħatfu fondi pubbliċi biex jużawhom għalihom personali fuq il-mezzi soċjali u jagħtu reklamar b’fondi pubbliċi lil media houses biex il-messaġġ politiku tagħhom jitpoġġa fl-ewwel paġna tal-gazzetti. Adrian Delia qal li x-xandir pubbliku m’għandux ikun xandir tal-istat imma verament tal-pubbliku u għalhekk il-PN kien ressaq proposti għar-riforma Kostituzzjonali biex uffiċjali fix-xandir pubbliku jkunu verament awtonomi u indipendenti u biex iż-żgħir u ilwien differenti jingħataw vuċi u jkun rappreżentati.

Il-Kap tal-PN tkellem dwar il-pjan ta’ ħidma tal-partit bil-ħolqien tal-14-il clusters u l-4 temi orizzontali, fi proċess konsultattiv li jinvolvi lil kulħadd u noħolqu muddell fejn is-sezzjonijiet kollha tas-soċjeta’, tal-midja, akkademiċi, mis-soċjeta’ ċivili u kull min hu ta’ rieda tajba jkun jista’ jagħti sehemu biex nagħmlu politika min-nies għan-nies. Dan meta l-Kumitat Eżekuttiv qiegħed jiltaqa’ wkoll biex jiddiskuti u japprova emendi fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista.  Adrian Delia qal li rridu nirrikonoxxu fejn fil-passat żbaljajna u nuru li qegħdin ninbidlu, li m’għandniex dritt li niggvernaw iżda li rridu nirbħu l-fiduċja tal-poplu. Irridu nuru li qegħdin hawnhekk biex naqdu, nservu u ngħinu għax il-politika qegħda biex intejbu l-ħajja tan-nies.