Coronavirus Ekonomija Lokali Transport

Silvio Schembri determinat li jkeċċi lill-bdoti tal-Air Malta akkost ta’ kollox

"L-Air Malta tista' topera t-titjiriet b'nofs il-piloti"

Il-Ministru tal-Air Malta, Silvio Schembri, qed jippersisti li jqaċċat nofs il-piloti tal-linja nazzjonali tal-ajru ‘l barra akkost ta’ kollox, minkejja li l-ALPA ippreżentat Protest Ġudizzjarju biex iżżomm lill-Air Malta responsabbli talli aġixxiet kontra l-ordni tal-Qorti li twaqqaf kull forma ta’ sensji għall-mument.

Dan ħareġ f’intervista fuq il-programm Indepth hekk kif Silvio Schembri stqarr li l-Air Malta hija kapaċi ttajjar l-ajruplani tagħha, sa tnejn b’kollox, għad-19-il destinazzjoni kunsidrati bħala siguri anki b’nofs il-piloti mill-1 ta’ Lulju li ġej.

Mill-intervista iżda, jidher biċ-ċar li l-Gvern Laburista m’għandux pjan dwar kif l-Air Malta se topera t-titjiriet wara l-pandemija hekk kif l-istess Ministru ta garanzija li t-titjiriet jistgħu jsiru b’nofs il-piloti f’dawn id-destinazzjonijiet biss u mhux fid-destinazzjonijiet kollha li normalment ittir il-linja nazzjonali tal-ajru.

Silvio Schembri qal li l-miljuni t’ewro f’għajnuna diretta li se jagħti l-Gvern lil-linja tal-ajru bl-ebda mod se jmorru għall-piloti mkeċċija għaliex ittimbrahom li moħħhom fil-flus.

Il-piloti mkeċċija jidhru li huma l-ħaruf tas-sagrifiċċju ta’ Silvio Schembri biex iżomm lill-Air Malta sostenibbli għaliex inkella, ma jkollux triq oħra ħlief jagħlaq il-bibien tal-linja tal-ajru.

Il-Ministru attakka lill-union tal-piloti, l-ALPA, li hija biss ma fehmitx li pajjiżna ma jistax jaffordja ma jkollux il-linja nazzjonali tal-ajru tiegħu.

Schembri saħansitra kellu l-ardir jgħid li kważi kważi qiegħed jagħmel karità mal-bdoti li żamm fl-impjieg mal-Air Malta għaliex qal li żamm żżejjed piloti għat-titjiriet li se topera l-linja tal-ajru għal dawn id-destinazzjonijiet siguri.

Ikkummenta