Il-kummenti tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ma’ NET News, li l-pakkett finanzjarju li ħabbar il-Gvern hu Bażuka Budget aqwa minn tal-Ġermanja, ġab reazzjonijiet imħallta minn dawk fis-settur finanzjarju u ekonomiku.
Meta kien intervistat fil-programm NET Live, l-ekonomista Lino Briguglio qal li dan il-pakkett kien l-aktar indirizzat lejn in-negozji, li għalkemm mhix xi ħaġa ħażina, wieħed irid jara kif se jaffettwahom verament.
“Jekk hux se taħdem jew le din ma nafux. Meta bażuka tispara u ma tolqotx il-mira, m’għandhiex saħħa. Allura rridu naraw jekk tolqotx il-mira.”
Dan hekk kif l-ekonomija Maltija tiddependi ħafna fuq it-turiżmu, ħafna aktar minn pajjiżi Ewropej oħra, u għalhekk, peress li t-turiżmu se jdum ma jirkupra, huwa jbassar li l-ekonomija se tiċkien b’aktar minn 6%.
L-ekonomista wissa kontra l-pressjoni li qed issir mill-politiċi biex il-banek ikunu aktar laxki, speċjalment mas-settur tal-kostruzzjoni, għax timpatta r-reputazzjoni tagħhom.
“Il-banek iridu joqogħdu attenti ħafna, u hekk qed jagħmlu, biex ma jieħdux riskji bla bżonn.”
Lino Briguglio saħaq fuq il-fatt li l-kriżi pandemika kixfet l-importanza li nkunu dipendenti fuq il-prodott agrikolu Malti wara li l-Gvern, għal diversi snin, ta bis-sieq lil dan is-settur, tant li fost l-oħrajn issagrifika bosta għelieqi biex iwessa’ t-toroq u qajla għenhom.
Temm jgħid li l-kriżi kellha ġġiegħel lill-Gvern jerġa’ jaħseb fuq xi triq irid iqabbad lil pajjiżna għall-futur, filwaqt li jevalwa d-dipendenza tal-pajjiż fuq industriji riskjużi u li jħammġu.
“Kellna ċans u għandna ċans naħsbu sew xi rridu. Aħna ħa nibqgħu nħammġu l-arja, naqgħu fuq il-bankini u nassorbu t-trab fl-arja? Ħa jibqa’ jkollna ħaddiema jmutu f’siti tal-kostruzzjoni u b’nies imutu f’darhom? Jew irridu pajjiż b’ġonna sbieħ, b’bajjiet nodfa u affarijiet bħal dawn?”
Min-naħa tiegħu, waqt l-istess programm ipparteċipa wkoll id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, Joe Farrugia, li qal li minkejja li bosta kumpaniji qed jagħmlu minn kollox biex iżommu lill-ħaddiema tagħhom fl-impjieg, it-tnaqqis fil-wage supplement kien prematur. Għaldaqstant, it-tkeċċijiet fix-xhur li ġejjin huma inevtiabbli.
“Mill-aspett ekonomiku, l-importanza ta’ dan kollu huwa li nsalvaw kemm jista’ jkun impjiegi. Issa dan faċli tgħidu imma l-impjiegi se jintilfu fix-xhur li ġejjin. Wieħed ma jistax jimmaġina xenarju li se jonqos il-qgħad fl-erba’ xhur li ġejjin. Il-probabbiltà mhix se tkun hekk.”
L-MEA qed tistenna wkoll li mhux biss pajjiżna jidħol f’riċessjoni twila, iżda li n-negozji jaffaċċjaw telf kbir ta’ dħul u profitt.
“Matul din is-sena ħafna kumpaniji jafu li se jagħmluha bit-telf. Imma hemm telf li huwa sostenibbli, l-iktar jekk wieħed ikun qed jipproġetta telf għall-perjodu definit, tgħid għal sena, imma mbagħad hemm rati ta’ telf li kumpanija ma tkunx tista’ ssostnihom u allura jkollha twaqqaf l-operat tagħha.”
Joe Farrugia temm billi bassar li l-impatt tal-pandemija fuq l-ekonomija se tkaxkar għal diversi xhur, b’ċerti setturi saħansitra jintlaqtu għal diversi snin u għalhekk, il-Gvern għandu jippjana fit-tul lil hinn minn Settembru.
//= $special ?>