Lokali

“Abela jerġa’ jħabbar deċiżjonijiet nazzjonali fuq il-media Laburista” – Repubblika

“Attitudni arroganti li ma tirrispettax kull ċittadin”

“Wara 5 xhur il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma ndunax li huwa kien maħtur Prim Ministru u mhux biss mexxej tal-Partit Laburista”.Hekk sostniet fi stqarrija l-għaqda Repubblika fejn tenniet li Abela għandu jirrispetta lill-poplu Malti u jieqaf juża x-xandir tal-partit tiegħu sabiex iħabbar deċiżjonijiet nazzjonali.

Repubblika sostniet li dan l-aġir ripetut ta’ Robert Abela huwa insult lid-demokrazija ta’ pajjiżna.

Dan kollu wara li l-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru ħabbar fuq il-midja Laburista li l-ajruport ser ikun qed jopera b’mod normali fil-15 ta’ Lulju kif ukoll li pajjiżna se joħroġ minn stat ta’ emerġenza medika.

Repubblika staqsiet jekk Robert Abela jidhirlux li wasal iż-żmien biex jagħlaq ix-xandir nazzjonali u nisimgħu biss ix-xandir tal-partit tiegħu.

Dan filwaqt li sostniet ukoll li madanakollu sfortunatament ix-xandir nazzjonali huwa abbużat mill-Gvern b’imparzjalità qawwija.

Repubblika temmet tgħid li, “L-użu sfaċċat ta’ Robert Abela tal-media tal-partit tiegħu għal xogħol tal-Gvern jikxef l-arroganza tiegħu lejn iċ-ċittadini Maltin, juri li hu ma jirrispettax il-veduti tal-kull ċittadin, u li jistmagħhom bħala estensjoni tal-Partit Laburista”