Futbol Sport

Barcelona jkomplu fejn ħallew f’Marzu

(Ritratt: EPA)

Ilbieraħ tkompliet il-La Liga b’erba’ partiti fejn Barcelona barra minn darhom għelbu lil Mallorca 4-0. Wara biss żewġ minuti, Barcelona marru fil-vantaġġ permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ ARTURO VIDAL. Fit-37 minuta MARTIN BRAITHWAITE għamilhom 2-0 meta kkonkluda azzjoni maħduma tajjeb. Fit-tieni taqsima, Barcelona komplew jiddominaw u kien fid-79 minuta meta wara pass sabieħ ta’ Lionel Messi, JORDI ALBA kkonkluda wara Reina. Lejn it-tmiem is-solitu LIONEL MESSI għamilhom erbgħa wara pass ta’ Luiz Suarez.

Villareal barra minn darhom għelbu lil Celta Vigo 1-0 b’gowl fl-aħħar minuti tal-partita. Kien xutt ta’ Samuel Chukwueze bil-gowlkiper ta’ Celta Vigo jonqos milli jżomm biex MANUEL TRIGUEROS japrofitta u jrebbaħ il-partita għat-tim ta’ Javier Calleja.

Espanyol għelbu lil Deportivo Alaves 2-0. Alaves lagħbu l-maġġoranza tal-partita, b’10 plajers wara li fid-19 –il minuta, Fernando Pacheco tkeċċa wara li deher imiss il-ballun b’idu. Espanyol fetħu l-vantaġġ fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima b’daqqa ta’ ras ta’ BERNARDO. Żewġ minuti minn ftuħ it-tieni taqsima, LEI WU aċċerta mir-rebħa meta wara li ġie waħdu mal-gowlkiper ma’ żbaljax.

Barra minn darhom, Real Valladolid kisbu rebħa importanti kontra Leganes li tkompli tbiegħdhom miż-żona relegazzjoni. Valladolid fetħu tajjeb u wara biss żewġ minuti marru fil-vantaġġ permezz ta ENES UNAL. Huma rdoppjaw fl-54 minuta permezz ta’ RUBEN ALCARAZ. Fl-84 minuta Leganes ingħataw penalty li minnu inkariga ruħu OSCAR RODRIGUEZ li naqqas id-distakk.

Ilbieraħ, Granda għelbu lil Getafe 2-1. Kienu Getafe li fetħu l-iskor meta fl-20 minuta, DAVID TIMOR COPOVI rċieva mingħand Marc Cucurella li mill-viċin ma’ żbaljax. Granada dawwru l-partita fl-aħħar 20 minuta meta DJENE skorja awtogowl biex ġab id-draw. CARLOS FERNANDEZ skorja l-gowl tar-rebħa fid-79 minuta meta l-gowlkiper ta’ Getafe salva parzjalment x-xutt tal-istess Fernandez.

Valencia u Levante temmew fi draw ta’ 1-1 f’partita li żvolġiet fl-aħħar minuti. Fl-74 minuta, Levante sfaw jilagħbu b’10 meta Roger tkeċċa wara żewġ karti sofor. RODRIGO ħaseb li ta r-rebħa lil Valencia iżda penalty fid-90 minuta ta’ Gonzalo Melero ġab id-draw għal Levante.

Riżultati: Il-Ħamis: Sevilla v Real Betis 2-0, Il-Ġimgħa: Granada v Getafe 2-1, Valencia v Levante 1-1, Ilbieraħ: Espanyol v Deportivo Alaves 1-1, Celta Vigo v Villareal 0-1, Leganes v Real Valladolid 1-2, Mallorca v Barcelona.., Illum: Athletic Bilbao v Atletico Madrid 2.00pm, Real Madrid v Eibar 7.30pm, Real Sociedad v Osasuna 10.00pm