Internazzjonali

Ċina: Mejtin u midruba fi splużjoni ta’ trakk tanker f’Zhejiang

Mietu talanqas 20 ruħ fi splużjoni ta’ trakk tanker fil-provinċja ta’ Zhejiang, lejn ix-xlokk taċ-Ċina – bl-awtoritajiet lokali jikkonfermaw mill-anqas 200 midruba. Il-vettura kienet qed iġġorr kunsinna ta’ gass likwidu (LNG) meta splodiet fi triq prinċipli, bl-isplużjoni tkun tant qawwija li kkaġunat il-ħsarat fil-bini li jinsabu lil hinn sew mill-inħawi tat-traġedja.

L-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw il-kawża tal-inċident.

L-isplużjoni seħħet fil-limiti tal-villaġġ ta’ Liangshan u qrib il-belt ta’ Wenling. Intant kien hemm ukoll rapporti dwar ‘tieni splużjoni’ wara li t-trakk inkwistjoni kien tmexxa għal ġol-bini ta’ fabbrika, mhux ’il bogħod mit-triq fejn kienet seħħet l-ewwel splużjoni.

Fl-istess ħin, mijiet ta’ ħaddiema tas-salvataġġ jinsabu fiz-zona tal-isplużjoni fejn baqgħu jistinkaw biex jirkupraw lin-nies li għebu fl-isplużjoni – u fejn kienet għaddejja wkoll tfittxija għall-katavri tal-vittmi.

Ma kienx eskluż li t-total tal-vittmi jaqbeż sew l-20, bl-inċident fatali mistenni jirriżulta f’numru ta’ konsegwenzi u riperkussjonijiet. Dan għaliex, skont l-istampa, il-kumpanija li hi s-sid tat-trakk-tanker diġà kienet penalizzata talanqas ħdax il-darba mill-awtoritajiet dwar ksur tar-regoli tas-saħħa u dwar is-sigurtà.