Internazzjonali

COVID-19…L-infezzjonijiet madwar id-dinja jiżdiedu bi kważi tmien darbiet f’xahrejn

Fit-3 ta’ April,  l-aġenziji tal-aħbarijiet madwar id-dinja kienu waslu għall-konklużjoni li l-infezzjonijiet bil-coronavirus ġdid (Covid-19) kienu laħqu l-miljun każ…. Tragward ‘storiku u inkwetanti’ waqt li l-pajjiżi kienu għaddejjin bil-lockdowns bħala l-istrateġija ewlenija kontra l-firxa ta’ dan il-virus qerriedi.

Illum – ftit aktar minn xahrejn wara – iċ-ċifra globali tal-infezzjonijiet żdiedet bi kważi tmien darbiet, jiġifieri hemm qrib it-tmien miljun każ tal-coronavirus mifruxin madwar il-pajjiżi tad-dinja.

Fil-verità, l-ammont tal-infezzjonijiet x’aktarx li hu ħafna ogħla, peress li ħafna nies ma kellhomx aċċess għat-testijiet, b’numru ta’ pajjiżi qed ikunu akkużati b’li ma provdewx iċ-ċifri preċiżi, bil-għan li ‘inaqqsu l-allarm fost il-poplu’.

Skont il-Johns Hopkins University ta’ Baltimore, fl-Istati Uniti, it-total ta’ infezzjonijiet fuq skala dinjija hu ftit aktar minn 7.8 miljun – bil-vittmi (bħala ċifra globali) jammontaw għal aktar minn 430,000.

Sadanittant, kompla t-tħassib dwar il-firxa tal-coronavirus fil-kontinent tal-Amerika Latina.

Dan wara li l-Arġentina, iċ-Ċile, il-Peru u l-Kolombja kollha rappurtaw numru rekord ta’ infezzjonijiet f’perjodu ta’ 24 siegħa.

L-ispinta fil-każi kkonfermati tal-Covid-19 wasslet biex diversi awtoritajiet tas-saħħa Latini jsostnu li l-kontinent partikulari issa sar l-epiċentru ġdid tal-pandemija globali.

Peress li numru ta’ Gvernijiet tal-Istati Latini Amerikani mgħandhomx ir-riżorsi adekwati għat-testijiet preċiżi, hemm ukoll l-inkwiet li l-infezzjonijiet madwar il-kontinent huma ferm aktar minn dak li qed ikun irrappurtat.

Il-Brażil, nhar is-Sibt, irrapporta 20,894 każ ġdid ta’ infezzjoni li hu l-ogħla ammont madwar il-kontinent. Dan meta l-Brażil, fil-preżent, għandu t-tieni l-akbar total ta’ imwiet, kif ukoll ta’ infezzjonijiet, minn fost il-pajjiżi kollha tad-dinja, ħlief l-Istati Uniti.

Intant, fiċ-Ċile għaddejja kontroversja dwar ‘il-veru impatt mill-Covid-19’ għall-poplu. Dan meta l-President Ċilen, Sebastian Pinera, neħħa lil Jaime Manalich minn Ministru tas-Saħħa fost allegazzjonijiet dwar rappurtaġġ u statistika impreċiżi dwar il-vittmi f’dan il-pajjiż.

L-infezzjonijiet bil-Covid-19 anki għamlu qabża allarmanti ‘il quddiem fil-Messiku, fl-aħħar tlett ijiem. Fil-fatt, il-Messiku, issa, għandu r-raba’ l-akbar numru ta’ każi reġistrati tal-coronavirus fost l-Istati kollha tal-Amerika Latina.