Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 3 każi ġodda, 2 imfejqa

Fil-15 ta’ Lulju l-Ajruport lura għan-normalità

Fl-aħħar 24 siegħa f’Malta u Għawdex feġġew 3 każi ġodda ta’ Covid-19 minn 1,310 test. Dan filwaqt li fiequ 2 persuni oħra.

B’hekk f’Malta hawn 37 każ attiv, bil-każi totali minn meta tfaċċa dan il-virus f’pajjiżna jilħqu 649. B’kollox s’issa fiequ total ta’ 603.

Fi tmiem din il-ġimgħa ħajjet iċ-ċittadini bdiet miexja ftit ftit lura għan-normal bir-ritorn taċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkarestija fil-Knejjes lokali miftuħa għall-pubbliku. Dan b’numru ta’ miżuri sabiex tiġi salvagwardata saħħet il-persuni li jattendu l-quddies. Fosthom li kull minn jattendi għandu jilbes maskra protettiva, li tinżamm id-distanza soċjali u minħabba din ir-raġuni f’ċertu knejjes il-quddies kienet ċelebrata fuq barra wkoll.

Intant, minkejja l-appelli tal-esperti mediċi u l-Awtoritajiet tas-Saħħa, dalgħodu fuq il-midja Laburista l-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-pandemija għaddiet wara sensiela ta’ ġranet bla każijiet – fatt skorrett għall-aħħar.

Iċ-ċifri jmeru dak li qal Abela u juru li f’pajjiżna ilna ma nirreġistraw jum li fih ma’ kellna ebda każ pożittiv ġdid sa mill-4 ta’ Ġunju, fejn f’aktar minn tlett xhur mindu l-virus infirex fil-pajjiż ġew irreġistrati biss sitt ijiem b’zero każijiet ġodda, u li fl-ebda okkażżjoni ma kienu jiem konsekuttivi. Dan filwaqt li fl-aħħar ġimgħa kellna 20 każ ġdid b’5 każi ġodda f’jumejn wara xulxin

Fid-dawl li fis-sigħat li ġejjin il-Gżejjer Maltin ser jinħarġu uffiċjalment minn stat ta’ Emerġenza Medika, fuq l-istazzjon Laburista l-Prim Ministru ħabbar li dan ifisser li ser ikunu qed jitneħħew il-miżuri ta’ restrizzjoni fost oħrajn dik li jistgħu jinġabru massimu ta’ 75 persuna f’daqqa f’postijiet pubbliċi l-għaliex fi kliemu din il-miżura kienet qed tkun diffiċli biex tiġi infurzata.

Huwa sostna wkoll li persuna mhux qed tkun obbligata tibqa’ tilbes il-maskra protettiva.

Robert Abela spjega li mal-ftuħ uffiċjali tal-ajruport Malti fl-1 ta’ Lulju, ġew introdotti sitt destinazzjonijiet meqjusa bħala siguri għal pajjiżna mal-lista tal-ivvjaġġar dawn huma; l-Polonja, Kroazja, Greċja, Italja, Franza u Spanja – b’xi restrizzjonijiet fuq l-aħħar tlieta. Madanakollu ħabbar li fil-15 ta’ Lulju l-ajruport Malti mhux ser ikollu restrizzjonijiet fuq id-destinazzjonijiet tat-titjiriet.