Lokali

Il-Ministru tal-Intern jagħmel li jgħidulu

Quddiem sensiela twila ta’ każijiet serji ta’ delitti, korruzzjoni, tixħim u atti oħrajn ta’ kriminalità li fihom hemm involuti persuni viċin ħafna ta’ Kastilja u tal-Gvern, Byron Camilleri, il-Ministru tal-Intern, hu b’idejh marbuta u ‘ostaġġ’ f’idejn Kastilja għaliex kull inizjattiva li tittieħed, tiġi biss minn Kastilja.

Sorsi   qalu lil il-mument li l-Ministru Byron Camilleri xejn ma ħassu komdu f’nofs din il-ġimgħa meta saret protesta quddiem il-Ministeru tal-Intern u dawk li ħadu sehem fiha ħeġġewh biex jirriżenja mill-kariga tiegħu la ma hux kapaċi jassigura li jkunu investigati dawn l-atti ta’ kriminalità li issa ilhom jiċċirkondaw dan il-pajjiż sa mill-2013.

F’reazzjoni, persuni qrib il-Ministru Camilleri kkummentaw li Byron Camilleri anqas kien fil-Kabinett aħseb u ara kemm kien Ministru tal-Intern meta seħħew il-parti l-kbira tal-atti kriminali li jeħtieġ li jkunu investigati. Qablu kien hemm Ministri oħrajn li setgħu ħeġġew investigazzjonijiet f’dan is-sens, iżda ħadd minnhom ma ngħata xi permess minn Kastilja biex tali investigazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru.

Jirriżulta li Byron Camilleri ddejjaq ħafna b’din il-protesta li saret u issa ismu qed jiżżeffen fin-nofs b’konnessjoni ma’ atti ta’ kriminalità li kexkxu lill-pajjiż. Iżda fil-verità, sa issa, l-istess Byron Camilleri ma għamel assolutament xejn anqas dwar atti oħrajn ta’ korruzzjoni u tixħim li seħħew fl-aħħar żminijiet u li wħud minnhom qed jaraw id-dawl tax-xemx fl-aħħar ġimgħat.

Dan ifisser li anki l-Ministru Byron Camilleri jrid jerfa’ r-responsabbiltà politika tiegħu u jew jagħżel li jwarrab, jew inkella jkun leali lejn il-ġurament li ħa u jassigura li l-kriminali jkun posthom f’Kordin.

L-aħbarijiet waħidhom li ħarġu fl-aħħar ġimgħat dwar dak li ġara fl-Awtorità Maltija tat-Turiżmu huma spunt ċar biżżejjed ta’ kemm Byron Camilleri sa issa wera li ma hux għall-altezza tal-pożizzjoni li jokkupa għaliex kieku kien is-serjetà mill-ewwel kien jesiġi investigazzjoni oġġettiva.

Dan minbarra dak li qed joħroġ fil-Qorti b’intriċċi kbar bejn fizzjali għolja fil-Korp tal-Pulizija u terzi persuni li jimmilitaw fil-kriminalità. Sa nhar it-Tnejn stess, f’xhieda li ngħata ħareġ kif fizzjali għolja fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija – inkluż l-Eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-Eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta – fixklu ħidmiet tal-Pulizija jew kellhom rabtiet qrib ħafna ma’ ċerti kriminali.

Kif jista’ l-Ministru Byron Camilleri jaċċetta li fil-Parlament ħdejh ipoġġu persuni li huma mċappsa bil-kriminalità u hu ma jassigurax li dawn ikunu serjament investigati?

L-Eks Ministru Konrad Mizzi, illum Deputat tal-Gvern, hu mċappas ma’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u tixħim u li saħasnitra kellu jirriżenja minn Ministru fil-Kabinett ta’ Muscat.

Żgur li Byron Camilleri meta se jkun qed jirrappreżenta lil Malta f’fora internazzjonali fejn jidħol l-Intern, se jkollu Ministri kollegi barranin li f’qalbhom meta jħarsu lejh jew jitbissmu u jeħduh biċ-ċajt, inkella jispiċċaw anqas biss jagħtu kasu.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument sostnew li Byron Camilleri żgur li ma jixtiqx li jaħraq minn issa l-karriera politika tiegħu tort ta’ żbalji ħoxnin li wettqu kollegi tiegħu fil-gvern Laburista.