Lokali

Il-PN mġedded u bil-bibien miftuħin għaż-żgħażagħ biex iwassal politika min-nies għan-nies

“Nistieden liż-żgħażagħ u lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom lill-pajjiż biex jagħmlu mill-PN l-veikolu li jwassal għall-ġid tal-poplu kollu u ta’ Malta.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET Television.

Adrian Delia qal li m’għandniex għalfejn nistħu mill-PN u għandna nkunu kburin li Gvernijiet Nazzjonalisti biddlu wiċċ pajjiżna, daħluna fl-Unjoni Ewropea u attiraw setturi ekonomiċi innovattivi biex nikkompetu fid-dinja. Huwa qal li l-PN għaddej bir-riforma u t-tiġdid u wara 11-il xahar ta’ ħidma minn Louis Galea u wara aktar minn 11-il siegħa ta’ diskussjonijiet fil-Kumitat Eżekuttiv, se jinbidel l-istatut tal-partit u issa se jmur quddiem il-Kunsill Ġenerali. Din l-ikbar ħidma li saret fl-aħħar 40 sena, hi fażi ġdida f’mixja biex il-PN jiġġedded u proċess fejn il-persuna tkun fiċ-ċentru tal-politika, fejn lil hinn mit-tmexxija u l-istrutturi, l-iktar importanti huwa li n-nies se jkollhom iktar spazju u l-leħen tagħhom se jkun fundamentali biex niffurmaw il-politika tagħna.

Adrian Delia qal li minkejja li l-Kabinett kollu jinsab taħt investigazzjoni b’allegazzjonijiet li użaw flus tal-poplu għall-użu personali tagħhom fil-mezzi soċjali, minn dan kollu Robert Abela ma tgħallem xejn u uża l-flus tan-nies għall-iskopijiet tiegħu biex jgħatti l-verita’ b’reklamar fil-midja f’eżerċizzju ta’ propaganda. Dan biex jipprova jnessi mill-allegazzjonijiet serjissimi li ta’ kuljum qegħdin joħorġu mill-Qorti. Adrian Delia fakkar fl-allegazzjoni li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar li kien qed jgħin lill-kriminali, allegazzjoni serja fejn Robert Abela naqas li jkeċċih minnufih u li jaċċerta ruħu li jibdew l-investigazzjonijiet fuq dawn l-allegazzjonijiet li saru. Il-Gvern irid li jnessi lin-nies mill-allegazzjonijiet serji li qegħdin isiru fil-konfront tad-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona, fejn Robert Abela wkoll qed jibqa’ ma jkeċċiehx. Dr Delia staqsa jekk dan hux il-veru patt imxajtan, meta Robert Abela jinsab b’idejh marbutin u ma jistax jiddeċiedi u hemm Joseph Muscat li qed jiddeċiedi għalih. Meta Konrad Mizzi għandu ma weġibx għalfejn iffirma kuntratt minn wara dahar kulħadd biex jagħtu €100,000,000 lil Steward anke jekk ifallu fit-tliet sptarijiet u għalfejn qegħdin inħallsu €96 miljun kull sena lil Electrogas flok inraħħsu l-kontijiet tad-dawl lill-familji kollha f’dan iż-żmien diffiċli. Miljuni ta’ flus tan-nies li jistgħu jgħinu lin-negozji u lil 11,000 persuna li m’għandhomx xogħol.

Il-Kap tal-PN qal li Robert Abela ma tgħallem xejn lanqas fil-ħatra tal-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija meta baqa’ jwebbes. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista qal kif għandu jkun hemm bidla f’dan il-proċess, u li l-Kummissarju kellu jintgħażel biż-żewġ terzi tal-Parlament iżda minflok Robert Abela ried li jibqa’ jagħżel il-Kummissarju hu. Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni mhix lesta li tipparteċipa fi proċess fażull meta l-għażla diġa’ saret mill-Prim Ministru, fejn fil-grilling jistgħu jintbagħtu biss ċertu mistoqsijiet u bil-miktub, meta l-Kummissarju l-ġdid se jkollu fuq spallejh ir-responsabbilta’ li jara li l-Korp tal-Pulizija jerġa jingħata l-ġieh li jistħoqqlu u li ssir il-ġustizzja mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd. Huwa spjega li qed issir riforma Kostituzzjali u l-PN jrid li ntejbu l-Kostituzzjoni biex tagħti iktar saħħa u tkun it-tarka tan-nies kontra gvern li jabbuża mil-liġijiet, u kien għalhekk li l-PN ppreżenta l-proposti lill-Kummissjoni Venezja u qegħdin nipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess tar-riforma Kostituzzjonali tant li l-proposta li l-President jinħatar biż-żewġ terzi tal-Parlament kienet proposta tal-PN u fil-ħatra tal-Prim Imhallef kien il-PN li wassal biex għall-ewwel darba fl-istorja tkun b’għażla taż-żewġ terzi.

Huwa biss il-Partit Nazzjonalista li jista’ jiggarantixxi governanza tajba u ħarsien tas-saltna tad-dritt meta l-Partit Laburista ħataf l-istituzzjonijiet u qed jagħmel minn kollox biex ifixkel milli ssir il-ġustizzja. Adrian Delia qal li għandna għalhekk inneħħu r-wrapper ikkulurit ta’ propaganda tal-Gvern u minflok inħarsu lejn il-verita’.