Lokali

Il-PN vuċi għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u dawk futuri

Wara jumejn ta’ laqgħat…u sighat twal ta’ diskussjonijiet kostruttivi…. il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN qabel fuq l-abbozz tal-istatut imgedded tal-PN; inkluz il-Viżjoni u l-Missjoni tal-partit.

B’din ir-riforma, il-Partit Nazzjonalista għandu jibqa’ jservi l-interess tal-ġid komuni tal-poplu Għawdxi u Malti ….għaliex dan huwa l-partit tan-nies, u għan-nies.

L-isem uffiċjali jibqa’ Partit Nazzjonalista – membru tal-Partit Popolari Ewropew. Partit li wara dan l-istatut il-ġdid mistenni jiġi xprunat u mġedded f’għodda essenzjali għall-poplu, Partit Nazzjonalista li lest ikompli jservi b’vokazzjoni.

F’intervista telefonika fuq NET FM, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech tkellem dwar kif il-proċess inbena mill-għeruq ‘il fuq b’deċiżjonijiet unanimi.

Wara dan il-proċess ta’ riforma u tiġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista mmexxi mill-eks Ministru Louis Galea, fuq l-inkarigu mgħoti lilu mill-Kap tal-Partit Adrian Delia, ġie stabbilit li l-għan ewlieni tal-Partit huwa l-iżvilupp tal-pajjiż bl-aktar mod ġust u sostenibbli – bil-ħarsien tal-ġid komuni.  Dan l-għaliex il-missjoni tal-Partit Nazzjonalista hi il-ġid għal kulħadd, inkluż id-dinjità, il-valur tal-ħajja umana, u l-għaqda. Missjoni msejsa fuq il-pedamenti tad-demokrazija u l-ġustizzja soċjali.

Il-Partit Nazzjonalista jagħraf li jrid jagħti prijorità lit-tibdil fil-klima u l-ġustizzja ambjentali sabiex nieħdu ħsieb ir-riżorsi ta’ madwarna.

Il-Partit jemmen li soċjetà b’saħħitha għandha tkun waħda inklussiva fejn jinfetaħ il-bieb ta’ djalogu u titwarrab kull forma ta’ mibgħeda.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien fuq ta’ quddiem għall-immodernizzar ta’ pajjiżna bil-kisbiet tal-Indipendenza u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Għaldaqstant, l-istatut il-ġdid ,,,li ser jiġi sottomess quddiem il-Kunsill Ġenerali aktar tard dan ix-xahar …jgħid li l-partit jemmen li kulħadd, mill-konċepiment sal-mewt, irid igawdi mill-imħabba u kwalità ta’ ħajja tajba. Li kulħadd irid ikollu l-opportunità li jiżviluppa l-ħiliet tiegħu u jkollu impjieg dinjituż imħallas b’mod ġust.

B’impenn sħiħ għal ġid komuni, il-Partit Nazzjonalista huwa l-leħen tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri …il-vuċi tal-libertà u tarka tal-ġustizzja.