Futbol Sport

Jesmond Zerafa l-favorit li jinħatar kowċ ta’ Valletta

Skont il-paġna ta’ Replay fuq facebook, Jesmond Zerafa hu l-favorit li jinħatar kowċ ta’ Valletta. Il-Beltin bħalissa jinsabu mingħajr kowċ wara li s-Sibt Giovanni Tedesco rriżenja minn kowċ wara nuqqas ta’ ftehim dwar il-physical trainer.

Jekk it-taħditiet bejn Zerafa u Valletta jirnexxu fil-jiem li ġejjin, ikun ifisser ritorn għalih wara li mexxa l-klabb Belti fl-istaġun 2010/11 u 2011/12. F’dak il-perjodu, Valletta rebħu darbtejn il-kampjonat u darbtejn is-Super Cup. Minn wara li ma kellux il-kuntratt imġedded, Zerafa kellu esperjenzi bħala kowċ ma’ Qormi, Balzan, Naxxar Lions, Tarxien Rainbows u Gżira United.

Valletta jidher li qed jikkunsidraw ukoll lill-kowċ Taljan Paolo Tramezzani. L-eks difensur fosthom ta’ Inter, Tottenham Hotspur u Atalanta kien fosthom assistent kowċ tal-Albanija għal ħames snin minbarra esperjenzi ta’ Livorno, Lugano, Sion u APOEL.

Minbarra l-irwol ta’ kowċ, Replay irrappurtaw li mistenni jkun hemm l-involviment fil-klabb taż-żewġ eks plejers Jeffrey Chetcuti u Darren Debono. Dan minbarra li l-eks plejer Drasko Braunovic inħatar Direttur Tekniku filwaqt li Gilbert Agius ġie kkonfermat bħala assistent kowċ.