Lokali

KAMPANJA AGGRESSIVA MILL-GVERN MINN FLUS IL-POPLU: Aħna ma ninxtrawx

Il-kampanja aggressiva mifruxa fuq kważi l-midja kollha f’pajjiżna li jinsab għaddej biha l-gvern ta’ Robert Abela, hi ta’ insult b’mod partikolari għall-familji Maltin u Għawdxin wara n-nofs eżerċizzju li għamel biex il-familji u l-ekonomija ta’ pajjiżna tibda bil-mod il-mod tirkupra wara l-kriżi li ħalliet mad-dinja kollha l-pandemija tal-COVID-19. Eżerċizzju mill-Gvern tard wisq, mhux biżżejjed, u nieqes mill-viżjoni ekonomika.

Il-midja tal-Partit Nazzjonalista MA TINXTARAX. Il-poplu jrid ikun ippreżentat bil-verità fir-realtà li ninsabu fiha. Il-ftaħir li għada se jkun aħjar, tistona mar-realtà li qed jgħixu kemm il-familji u b’mod partikolari dawk l-eluf f’riskju ta’ faqar, kif ukoll il-komunità tan-negozju, is-self employed u investituri f’pajjiżna.

Meta nġibu quddiem għajnejna kif, kawża tal-pandemija dinjija f’pajjiżna 11,000 persuna tilfu l-impjieg – u ħafna eluf oħra spiċċa l-part-time jew ix-xogħol extra li kien qed iħallilhom aktar dħul – ikun biżżejjed biex nirrealizzaw li għandna nimxu b’kawtela kbira, b’serjetà u bi prudenza anke fil-kliem u d-diskors tagħna.

L-eżerċizzju li wettaq il-gvern u li llum qed jiftaħar tant bih il-Gvern ta’ Robert Abela, għalkemm jaf ilelellex fl-immedjat, hu nieqes ħafna mis-serjetà. Il-gvern ta’ Robert Abela nhar it-Tnejn li għadda ma ppreżenta l-ebda viżjoni ekonomika fejn irid jieħu lil pajjiżna wara l-COVID-19. Ra biss sa mnieħru. Ħaseb biss sa Settembru. Ħalla n-nies f’inċertezza dwar x’se jkun qed jiġri wara Settembru.

Gvern ta’ Robert Abela li qed ikompli juri li qed jimxi fil-passi ta’ Muscat u jkun popolist u jaħseb biss għal-lum b’politika li taljena lin-nies hekk kif illum, il-kabinett kollu ta’ Robert Abela qed ikun investigat fuq miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

Gvern ta’ Robert Abela li m’għamel xejn u ma ħa ebda deċiżjoni biex tibda ssewwi l-ħsara kbira li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna bl-iskandli u l-akkużi ta’ korruzzjoni li wasslu lill-Kabinett Laburista ta’ Muscat jirriżenja minn Kastilja wara li kkrollat il-klikka ta’ Muscat u Keith Schembri sitt xhur ilu. Dwar dan, Robert Abela mhu jsemmi xejn.

U minkejja l-ftaħir u l-propaganda tal-Gvern ta’ Robert Abela b’eluf kbar ta’ flus il-poplu, il-familji kollha baqgħu jinsterqu fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għaliex webbes rasu u ma raħħashomx, minkejja li l-prezzijiet internazzjonali tal-fuels niżlu fl-anqas livelli li qatt kienu.

Għal eluf ta’ familji, self-employed u negozji, kontra dak li qed jiftaħar bih il-Gvern, għada għadu mċajpar. Dan għaliex Robert Abela ppreżenta biss soluzzjonijiet fl-immedjat għal sfidi kbar u problemi li llum kulħadd qed jirrealizza li huma fit-tul.

Il-Gvern ta’ Robert Abela ma ħareġ bl-ebda idea għas-settur tat-turiżmu –pilastru ewlieni tal-ekonomija tagħna – biex kif qed jagħmlu pajjiżi kompetituri  fir-reġjun tagħna nattiraw it-turiżmu lejn pajjiżna. Dwar dan ma jingħad xejn mill-Gvern.

Malta għandha bżonn viżjoni bi pjan konkret sabiex immexxu lil pajjiżna ’l quddiem f’dawn iż-żminijiet diffiċli, u mhux propaganda rħisa li ma qed tħalli xejn aktar fil-bwiet tal-familji.

Il-midja tal-Partit Nazzjonalista se tkompli twassal il-messaġġi u proposti pożittivi tal-PN, b’ideat u b’viżjoni ċara biex nadattaw għar-realtà ġdida post-COVID-19.

Il-Gvern, bil-propagada ta’ flus il-poplu, qiegħed jimxi biss ġurnata b’ġurata. Dan mhux biżżejjed. Jeħtieġ li minflok propaganda b’infiq ta’ eluf kbar ta’ ewro, inħarsu ferm aktar ’il bogħod biex nippreparaw lill-pajjiżna għar-realtajiet ġodda tal-lum u ta’ għada.

B’hekk biss il-poplu tagħna jista’ jegħleb l-isfidi tar-realtajiet tal-lum – kif qed jagħmel bħalissa l-Partit Nazzjonalista b’aġġornament tal-politika tiegħu bid-dokument: Politika min-Nies għan-Nies – li hu messaġġ b’saħħtu ta’ tama għal pajjiżna.