Lokali

L-MHRA tilqa’ l-aħbar li r-restrizzjonijiet se jitneħħew

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) fi stqarrija qalet li qed tilqa’ l-aħbar li r-restrizzjonijiet fuq id-destinazzjonijiet kollha se jitneħħew mill-15 ta’ Lulju, filwaqt li tinsab kuntenta li l-istat ta’ emerġenza tas-saħħa ddikjarata fl-eqqel tal-COVID-19 f’Malta se titneħħa wkoll.

F’Mejju li għadda l-MHRA kienet voċifera mal-gvern biex ir-ristoranti jiftħu sal-aħħar ta’ Mejju u l-ajruport jinfetaħ fil-15 ta’ Ġunju. Ir-ristoranti tħallew jiftħu lejn l-aħħar ta’ Mejju u l-ajruport se jiftaħ fl-1 ta’ Lulju iżda kienu limitati għal numru ta’ destinazzjonijiet.

Matul il-ġimgħa li għaddiet l-MHRA kompliet titlob biex pajjiżna jiftaħ il-bibien għal aktar pajjiżi.

Il-President tal-MHRA, Tony Zahra, iddikjara li, “Li issa wasal iż-żmien li Malta tibda l-vjaġġ tagħha lura għan-normalità hija aħbar tajba ħafna u timlina b’determinazzjoni kbira li ddawwar is-sitwazzjoni diffiċli preżenti. Li terġa’ tidħol fl-ekonomija b’mod partikolari s-settur tat-turiżmu se tkun ta’ sfida imma aħna fiduċjużi li ningħaqdu flimkien biex nbiddlu dik li hija sitwazzjoni diffiċli f’opportunità.”