Lokali

“Nibdew paġna ġdida” – Louis Galea

Il-Kumitat Eżekuttiv approva abbozz ta’ Statut ġdid li issa ser jgħaddi għall-approvazzjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-partit li jiltaqa’ fil-25 ta’ Ġunju.

Fi kliem Louis Galea, il-persuna li mexxa din ir-riforma, l-24 sigħa li għaddew bejn it-12 u 13 ta’ Ġunju 2020 huma seminali għall-ġejjieni tal-PN.

“Nistgħu nibdew paġna ġdida f’kapitlu ġdid fi storja li bdiet bit-twaqqif tal-Partit Nazzjonalista 140 sena ilu, fl-1880… storja li ser tkompli, bi sfidi u opportunitajiet ġodda u sbieħ… b’impenn akbar għall-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi”.

Permezz ta’ messaġġ fuq il-media soċjali, Louis Galea stqarr li issa tibda l-isfida li kulħadd jimpenja ruħu biex jidħol fl-ispirtu l-ġdid u nwettqu bil-fatti r-riforma u t-tiġdid li fassalna fix-xhur li ġejjin.

“Il-ħidma s’issa hija l-frott tad-diskussjoni u d-djalogu intens li wettaqna flimkien tul is-sena li għaddiet. Ħdimna flimkien, minn isfel għal fuq… mill-membri tal-kumitati għall-fergħat tal-partit għall-Membri Parlamentari għall-uffiċjali u għall-Kap tal-Partit Adrian Delia li sena ilu stedinni mmexxi l-proċess ta’ riforma u tiġdid”.

Louis Galea stqarr li dan għadu biss il-bidu.

“Fadal ħafna x’ngħidu u x’nagħmlu. Fadal ħafna x’nispjegaw fil-ġranet u ġimgħat li ġejjin. Imma għalissa grazzi mil-qalb lil mijiet kbar ta’ tesserati u partitarji, Deputati, uffiċjali u lill- Adrian Delia li fit-tnax il-xahar li għaddew b’ħafna djalogu iddiskutejna kif l-aħjar naqdu l-missjoni tagħna – favur il-ġid komuni tal-Maltin u l-Għawdxin u tal-bnedmin kollha”.

Finalment, Louis Galea rringrazzja lil kulħadd għall-esperjenza mill-isbaħ ta’ dawn l-aħħar 12-il xahar.