Futbol Sport

Plejer ta’ Norwich fost żewġ persuni pożittivi wara l-aħħar testijiet tal-Premier League fl-Ingilterra

(Ritratt: EPA)

Żewġ persuni fosthom plejer ta’ Norwich, għandhom il-coronavirus wara l-aħħar rawnd ta’ testijiet. B’kollox saru 1,200 test, bil-plejer ta’ Norwich lagħab partita ta’ ħbiberija kontra Tottenham tlett ijiem ilu. Dan il-plejer issa jrid jagħmel sebat ijiem iżolat u b’hekk se jitlef il-logħba tal-Ġimgħa li Norwich għandhom kontra Southampton.

Minn total ta’ tmien rawnds bejn id-19 ta’ Mejju u t-13 ta’ Ġunju, b’kollox instabu 16-il persuna li għandhom il-Covid-19. Norwich qalu li mhux se jsemmu l-plejer u talbu biex tkun rispettata x-xewqa tiegħu għall-privatezza u l-kunfidenzjalità.

Norwich għelbu lil Tottenham 2-1. Il-plejers miż-żewġ klabbs li jista’ jkun kienu f’kuntatt mal-plejer li hu pożittiv, ma għandhomx għalfejn jiżolaw ruħhom għaliex skont l-opinjoni tal-Gvern, ma kinux f’kuntatt għal tul ta’ żmien. Il-Gvern Ingliż iqis li kuntatt viċin ifisser persuna tkun sa żewġ metri viċin xi ħadd pożittiv għal 15-il minuta jew aktar.

Il-Premier League Ingliż se jirritorna l-Erbgħa li ġej bil-partiti bejn Aston Villa u Sheffield United kif ukoll Manchester City kontra Arsenal.