Futbol Sport

Real Madrid jaċċertaw ir-rebħa fl-ewwel taqsima … Atletico Madrid miżmuma

(Ritratt: EPA)

Eden Hazard irritorna bil-kbir hekk kif kien strumentali biex Real Madrid għelbu lil Eibar 3-1. Hekk kif bħalissa qed isiru x-xogħlijiet f’Estadio Santiago Bernabeu, il-logħba ntlagħbet f’Estadio Alfredo di Stefano, grawnd li jinsab fin-naħa ta’ barra ta’ Madrid.

TONI KROOS fetaħ l-iskor wara tliet minuti b’xutt sabiħ u preċiż fin-naħa ta’ fuq tax-xibka. SERGIO RAMOS irdoppja l-vantaġġ wara nofs siegħa b’kontrattakk li fih kienu fl-azzjoni Karim Benzema u Eden Hazard. L-iskor sar 3-0 fis-37 minuta b’xutt b’saħħtu ta’ MARCELO u b’hekk il-Madrileni kienu aċċertaw it-tliet punti fl-ewwel taqsima. Eibar naqqsu d-distakk mas-siegħa logħob b’xutt għar-rokna ta’ PEDRO BIAS.

B’din ir-rebħa, kollox baqa’ kif inhu fl-ewwel żewġ postijiet. Is-Sibt filgħaxija, Barcelona rebħu 4-0 barra minn darhom kontra Real Mallorca b’gowls minn Arturo Vidal, Martin Braithwaite, Jordi Alba u Lionel Messi.

Atletico Madrid tilfu żewġ punti importanti wara draw ta’ 1-1 barra minn darhom kontra Athletic Bilbao. IKER MUNIAIN poġġa lil Bilbao fil-vantaġġ fis-37 minuta b’konklużjoni għar-rokna. Iżda DIEGO COSTA ġab id-draw żewġ minuti wara b’xutt fil-baxx.

Costa ddedieka l-gowl lill-midfielder Virginia Torrecilla, iż-żagħżugħa li għamlet operazzjoni x-xahar li għadda għal tumur f’moħħha. Hu wera flokk b’isem Torrecilla fuq wara. Il-midfielder ta’ 25 sena lagħbet mat-tim nazzjonali ta’ Spanja fit-Tazza tad-Dinja tan-nisa s-sena li għaddiet.