Internazzjonali

Renju Unit: ’Il fuq minn 100 arrest relatati għall-vjolenza f’Londra

Kelliema għall-Pulizija Metropolitana qalu li ’l fuq minn 100 persuna spiċċaw arrestati wara numru ta’ protesti vjolenti li saru f’Londra nhar is-Sibt. L-arresti saru fis-sigħat wara li dimostranti – uħud minnhom attivisti estremisti tal-lemin – attakkaw lill-pulizija. L-inċidenti seħħew wara li nġabru folol ta’ eluf li qalu li kienu hemmhekk ‘biex jipproteġu l-istatwi ta’ persuni prominenti mill-vandaliżmu’.

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, tkellem dwar l-aħħar spinta ta’ inkwiet ċivili f’Londra u qal li ‘id-delinkwenti li jridu jinfexxu fl-azzjonijiet razzisti mgħandhomx posthom fit-toroq’.

Intant, fi tmiem il-ġimgħa, numru ta’ protesti paċifiċi kontra r-razziżmu – u li fihom ħadu sehem l-attivisti mal-moviment ‘Black Lives Matter’ – kienu organizzati f’Londra u madwar il-pajjiż.

Il-pulizija ta’ Scotland Yard qalu li arrestaw għexieren ta’ persuni għall-ksur tal-paċi u l-bwon ordni kif ukoll għall-aggrediment tal-uffiċjali tal-liġi. Numru ta’ dimostranti jridu anki jiffaċċjaw akkużi dwar aġir inaċċettabbli meta kienu fi stat xurban u b’oħrajn jinqabdu fil-pussess ta’ kwantità ta’ droga.

Dan waqt li Boris Johnson għamilha ċara li kulmin jattakka lill-pulizija jrid bilfors jiffaċċja l-konsegwenzi skont il-liġi.