Internazzjonali

Stati Uniti: Tirriżenja l-Kap tal-Pulizija ta’ Atlanta wara l-qtil ta’ raġel iswed ieħor

Erika Shields irriżenjat minn Kap tal-Pulizija fil-belt ta’ Atlanta fost l-għadab li qam wara l-qtil ta’ raġel Afrikan-Amerikan li kien raqad fil-karozza tiegħu f’sezzjoni ta’ ristorant drive-through. Il-vittma,  Rayshard Brooks, ta’ 27 sena, spiċċa jaqla’ tiri fatali mingħand uffiċjal tal-liġi wara li daħal f’konfront miegħu u kollega ieħor tal-korp.

Il-każ kompla jqajjem tensjoni dwar l-aġir razzist indiskriminattiv mill-puliizja tal-Istati Uniti, meta l-pajjiż għadu qed iħoss l-impatt tal-protesti wara l-qtil, fil-25 ta’ Mejju, ta’ George Floyd, Amerikan iswed ieħor, li kien spiċċa vittma tal-pulizija fil-belt ta’ Minneapolois (f’Minnsesota).

L-inċident li fih tilef ħajtu Brooks ukoll wassal għal dimostrazzjonijiet rabbjużi fit-toroq ta’ Atlanta u fejn in-nies sejħu għal ‘azzjoni f’waqtha li taċċerta mill-ġustizzja’. Intant, gruppi ta’ nies, fi tmiem il-ġimgħa, taw in-nar lill-istabbiliment tal-fast food tal-kumpanija Wendy’s (f’Atlanta) fejn spiċċa jitlef ħajtu Rayshard Brooks. Dan waqt li dimostranti oħrajn għalqu triq prinċipali – l-Interstate 75 – f’Atlanta, bit-tensjoni tirranka bis-sigħat.

Erika Shields kienet ilha sservi bħala l-Kap tal-Pulizija f’Atlanta mill-aħħar tal-2016 u meta ilha taħdem fid-Dipartiment tal-Pulizija f’din il-belt għal aktar minn 20 sena. Sadanittant, hi, ’il quddiem, mistennija tkompli sservi fid-Dipartiment f’rwol ieħor li għad irid ikun determinat.

Fl-aħħar sigħat, Garrett Rolfe, wieħed mill-uffiċjali li kien involut fl-inċident qattiel barra r-ristorant drive through spiċċa mkeċċi mill-korp tal-pulizija. Intant, pulizija ieħor, Devin Bronsan, li hu implikat fil-każ, tneħħa mid-doveri tar-ronda u issa qed jieħu ħsieb xi xogħol amministrattivi mal-korp.

Dan waqt li l-Bureau of Investigations tal-Istat ta’ Georgia qed jinvestiga l-qtil ta’ Brooks u fejn, fl-aħħar sigħat, kienet għaddejja analiżi ta’ filmat miġbud minn kamera tas-sigurtà fl-istabbiliment ta’ Wendy’s.

L-awtoritajiet anki qed jevalwaw l-informazzjoni tan-nies li kienu preżenti waqt l-isparatura fatali fl-inħawi – bil-pulizija tinsisti li Rayshard Brooks kien irreżista l-arrest wara li ma għaddiex minn eżami tal-breathalyzer.

Filmat partikulari juri lil Brooks mal-art barra r-ristorant ta’ Wendy’s u fejn jidher qed jissara ma’ żewġ pulizija. F’ħin minnhom hu jirnexxilu jaħrab u wieħed mill-pulizija mbagħad juża taser fuq il-vittma, bit-tliet irġiel, imbagħad, jisparixxu minn fuq il-filmat qabel jinstemgħu tiri ta’ arma fl-isfond.

Sekondi wara, il-filmat jaqbad lil Brooks mal-art wara li spiċċa ferut kritikament, b’dan ir-raġel imut l-isptar aktar tard.

Wieħed mill-pulizija spiċċa midrub fl-istess inċident u l-aħħar rapporti qalu li l-Uffiċċju tal-Avukat Distrettwali ta’ Fulton County qed imexxi investigazzjoni separata dwar il-każ li mistenni jkompli jqajjem l-inkwiet fost il-pubbliku matul il-jiem li ġejjin.