Lokali Qorti

It-Tnejn tkompli l-inkjesta ta’ Caruana Galizia, u jibda l-każ tal-bdoti tal-Air Malta

Wara nuqqas ta’ tliet xhur, it-Tnejn 15 ta’ Ġunju għandha tkompli l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’ġimgħa ferm impenjattiva għall-Qrati Maltin. L-aħħar li nstemgħu xhieda f’din l-inkjesta kien lura fil-11 ta’ Marzu u li kellha tieqaf ħesrem, minħabba l-pandemija tal-Coronavirus.

L-inkjesta li qed tkun preseduta mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia li qed jokkupa r-rwol ta’ chairperson, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro għandha tibda fis-2.00 pm. u tkompli l-Erbgħa, 17 ta’ Ġunju fid-9.30 am. bil-possibilità li ssir seduta oħra il-Ġimgħa, 19 ta’ Ġunju.

It-Tnejn ukoll (15-06-2020) għall-ħabta tal-10.00 a.m. se tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech mixli bl-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fejn mistenni jixhed Johann Cremona, il-persuna li kien viċin ħafna ta’ Yorgen Fenech u Melvin Theuma, il-middleman li xehed fil-Qorti li ta’ spiss kien jiftaħ qalbu miegħu.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li qed tisma l-każ minbarra Johann Cremona, Direttur tal-kumpanija tal-Gaming Best Play u Oracle Gaming, li kienu jagħmlu parti minn negozju ta’ Fenech, jista’ jixhed ukoll Keith Schembri l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Mix-xhieda rriżulta li Keith Schembri huwa wkoll ħabib kbir ta’ Yorgen Fenech u li skont Melvin Theuma, li ngħata l-proklama kien sablu impieg mal-Gvern, mingħajr ma kien talbu. L-avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca, qegħdin jidhru għal Yorgen Fenech.

L-Avukati Matthew Brincat u Kathleen Grima qed ikunu wkoll preżenti kull meta jixhed Melvin Theuma biex jassistuh. L-Avukat Jason Azzopardi qed jidher f’isem il-familja ta’ Caruana Galizia u li flimkien mal-Prosekutur Keith Arnaud u Kurt Zahra qegħdin jagħmlu għadd ta’ mistoqsijiet lix-xhieda, b’mod partikolari lil Melvin Thuema.

It-Tnejn ukoll fil-Qorti quddiem l-Imħallef Toni Abela għandu jibda l-każ fuq id-69 pilota li tkeċċew mill-Air Malta… Il-Union tal-Piloti l-ALPA qed tikkontesta l-mod kif tkeċċew il-bdoti mill-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta li għadha tinstema’ fin-12.30pm fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. Il-Qorti diġa’ laqgħet it-talba proviżorjament  biex dawn il-ħaddiema ma jispiċċawx mingħajr xogħol.

Sadanittant se tissokta l-kumpilazzjoni fil-konfront tat-tliet irġiel akkużati bl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia permezz ta’ karozza bomba, Vincent Muscat ta’ 55 sena, magħruf bħala “il-Koħħu” u l-aħwa Alfred Degiorgio ta’ 55 sena u George Degiorgio ta’ 57 sena magħrufa bħala l-“Fulu” u “Iċ-Ċiniż” rispettivament. u din se tkompli tinstema’ nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Ġunju fil-11.00am.

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, espert tal-Qorti mistenni jippreżenta xi dokumenti mportanti. L-avukati William Cuschieri u Mark Sant qegħdin jidhru għall-akkużati. Filwaqt li l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru bħala parte civile f’isem il-familja Caruana Galizia u l-Ispettur Keith Arnaud qed imexxi l-Prosekuzzjoni.