Formula 1 Sport

Andy Cowell, wieħed mill-persuni strumentali fis-suċċessi ta’ Mercedes iħalli lit-tim

Andy Cowell, persuna importanti fit-tim ta’ Mercedes, ħabbar li se jħalli l-kariga qabel il-bidu ta’ dan il-kampjonat. Cowell li hu responsabbli mit-tfassil tal-magna tat-tim, kien strumentali fis-suċċess riċenti ta’ Mercedes hekk kif iddominaw l-era hybrid mill-2014. Minn dakinhar, Mercedes rebħu sitt titli konsekuttivi tas-sewwieqa u tal-kostrutturi.

Il-Kap ta’ Mercedes Toto Wolff qal li t-tmexxija ta’ Cowell fis-settur tiegħu kienet fattur importanti fis-suċċess tat-tim fl-aħħar staġuni. Hu kompla li jinsab ċert li Cowell se jkollu suċċess fl-isfida li jagħżel.

Hywel Thomas se jkun qed jinħatar Direttur Maniġerjali ta’ dik li tissejjaħ High Performance Powertrains (HPP) u b’hekk se jkun responsabbli mill-power unit. Hu se jkun assistit minn Adam Allsopp, Richard Stevens u Ronald Ballhaus. Cowell kien informa lit-tim bid-deċiżjoni f’Jannar li għadda u se jibqa’ jgħin biex ikun hemm tranżizzjoni xierqa.