Coronavirus Internazzjonali

Bdiet it-tieni mewġa fiċ-Ċina?

Fl-aħħar sigħat kienu reġistrati 36 każ ġdid ta’ trażmissjoni lokali ta’ COVID-19 f’Beijing hekk kif il-biżgħat tat-tieni mewġa qed ikomplu jikbru. Din il-belt fiċ-Ċina kienet ilha ma tara każ ġdid tal-virus għal aktar minn 50 ġurnata.

Il-Viċi Prim Ministru tal-pajjiż Sun Chunlan appella lill-uffiċjali biex jieħdu “miżuri deċiżivi”, u wissa li r-riskju tat-tixrid mill-ġdid huwa wieħed għoli.

Mill-contact tracing li wettqu l-awtoritajiet jidher li l-virus reġa’ feġġ f’wieħed mill-ikbar stabbilimenti fil-Belt Ċiniża fejn issa b’kollox 79 każ jidher li ħarġu mix-Xinfadi Market.

Tliet provinċji oħra – Liaoning, Hebei u Sichuan, ukoll irrappurtaw każi kkonfermati jew suspettati li huma konnessi ma’ Beijing.

Rapporti qed jgħidu li l-virus ġie skopert fuq l-injam li fuqu jitqatta’ s-salamun impurtat fis-suq qabel jitwassal għand is-supermarkets. Ħafna qed jappellaw biex isir xi ħaġa minnufih hekk kif jista’ jagħti l-każ li dan hu l-bidu tat-tieni mewġa fl-Asia.