Internazzjonali

Covid-19: F’Londra jerġgħu jiftħu l-ħwienet li jbiegħu l-oġġetti mhux essenzjali — bi Franza tnaqqas mir-restrizzjonijiet

Ir-Renju Unit kompla jieħu l-passi biex inaqqas mil-lockdown, fejn il-ħwienet li qed ibiegħu l-oġġetti li mhumiex essenzjali tħallew jiftħu– fost il-ħarsien ta’ miżuri tas-sigurtà stretti – għall-ewwel darba fi kważi tliet xhur.

Intant, il-kawtela baqgħet tinżamm u fejn kulmin juża t-trasport pubbliku fl-Ingilterra irid bilfors jilbes maskra tal-wiċċ biex ‘jaċċettawh’ għall-vjaġġi.

Fl-istess ħin, mijiet ta’ nies, fosthom familji, setgħu jduru fis-safari parks u z-zoos ta’ Londra u bliet oħrajn li wkoll qegħdin jiftħu wara t-tnaqqis tal-miżuri tal-lockdown.

Franza wkoll naqqset mir-restrizzjonijiet dovuti għall-firxa tal-Covid-19 u fejn qed tippermetti l-ivvjaġġar lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin ingħata l-permess biex jerġgħu jiftħu l-kafeteriji u ristoranti kollha f’dan il-pajjiż – bl-istabbilimenti inkwistjoni jridu bilfors josservaw regoli għal social distancing.

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, qal li pajjiżu issa qiegħed idaħħal mill-ġdid in-nies li qed jivvjaġġaw minn kważi l-Istati kollha tal-Ewropa, bir-residenti ta’ kontinenti oħrajn se jkunu jistgħu jżuru Franza mill-Ewwel ta’ Lulju.

Il-Franċiżi anki se jkunu jistgħu jżuru lil qrabathom li huma residenti fid-djar għall-anzjani li kienu ntlaqtu ‘partikularment ħażin’ mill-infezzjoni qattiela.

Macron, intant, qal li Franza tista’ taqleb il-paġna wara li ‘kisbet l-ewwel rebħa tagħha fuq il-Covid-19’. Madankollu il-President Franċiż wissa biċ-ċar li l-virus jista’ jerġa’ jirritorna fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Aktar pajjiżi fl-Ewropa qed inaqqsu r-restrizzjonijiet mal-fruntieri wara xhur ta’ kontrolli riġidi għall-ivvjaġġar.

Il-Ġermanja neħħiet it-travel warning u qalet li mgħadhomx neċessarji l-kontrolli mal-fruntieri tagħha li jmissu ma’ pajjiżi bħall-Awstrija u d-Danimarka. Pajjiżi Ewropej oħrajn bħall-Belġju, il-Portugall, il-Greċja u l-Iżvizzera kollha rtiraw ħafna restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar meta l-każi tal-Covid-19 qed ikomplu jonqsu.

Sallum hemm ikkonfermati mas-7.9 miljun każ ta’ infezzjoni bil-Covid-19, fuq livell globali, mindu feġġ il-coronavirus. L-imwiet madwar id-dinja mill-effetti tal-virus huma kalkulati mal-433,000.

Qabel fetħu l-ħwienet fl-Ingilterra, mijiet ta’ nies iffurmaw is-sriebet twal barra l-istabbilimenti, bil-ħwienet li ma jbiegħux l-affarijiet essenzjali qed jiftħu wkoll fl-Irlanda ta’ Fuq. Intant, għadha ma ngħatatx data għall-ftuħ ta’ dawn il-ħwienet fl-Iskozja, bil-Gvern ta’ Wales qed jikkunsidra biex jiftaħ l-istabbilimenti li ilhom ix-xhur magħluqin f’artu.

It-trasport pubbliku f’Londra, issa, qed ikun suġġett għall-miżuri speċifiċi permezz ta’ regola ġdida – effettiva minn issa — li tirrikjedi biex in-nies jilbsu l-maskri ‘dejjem’ fuq il-mezzi tat-trasport, bir-regola ‘se tibqa’ valida għall-futur immedjat’.

Fl-Ingilterra huma eżenti biss milli jilbsu l-maskra t-tfal taħt il-ħdax-il sena u persuni li jbatu minn ċerti kundizzjonijiet. Ħaddieħor li jinqabad mhux liebes maskra waqt li qed juża t-trasport pubbliku jista’ jeħel multa ta’ 100 Sterlina.

Sadanittant, il-pulizija talbet lill-Home Secretary tar-Renju Unit, Priti Patel, biex tipprojbixxi l-protesti kollha li qed isiru fl-Ingilterra u Wales għaż-żmien li l-Covid-19 jibqa’ theddida għas-saħħa.

Dan wara l-arrest ta’ għexieren ta’ nies li, fi tmiem il-ġimgħa, kienu qed jipprotestaw waqt ir-rallies kontra r-razziżmu u d-dimostrazzjonijiet tal-attivisti estremisti tal-lemin li rriżultaw f’diversi inċidenti.

Il-Gvern Britanniku wissa lid-dimostranti li jekk huma jkomplu jinjoraw il-miżuri tas-sigurtà stabbiliti, jistgħu jkunu ‘huma’ l-kaġun ta’ spinta ġdida ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus f’Londra u fi bliet oħrajn.

Ma kienu rappurtati l-ebda imwiet mill-coronavirus fl-Iskozja għal perjodu ta’ 24 siegħa. Din kienet it-tielet darba konsekuttiva li ċ-ċifra fl-Iskozja  baqgħet l-istess mindu beda l-lockdown għall-poplu.