Futbol Sport

Iker Casillas jirtira l-kandidatura għat-tmexxija tal-Federazzjoni Spanjola tal-Futbol

(Ritratt: EPA)

L-eks gowlkiper tat-tim nazzjonali Spanjol Iker Casillas irtira l-kandidatura biex isir President tal-Federazzjoni Spanjola. Fi stqarrija, Casillas qal li l-akbar raġuni għaliex reġa’ ħasibha kienet minħabba s-sitwazzjoni straordinarja soċjali, ekonomika u ta’ saħħa li l-pajjiż għaddej minnu bħalissa.

“Naħseb li hu ż-żmien li nżidu u mhux nifirdu għaliex il-futbol u s-soċjetà għandha bżonn hekk.” Casillas mexxa lil Spanja għar-rebħ tal-Kampjonati Ewropej fl-2008 u l-2012 kif ukoll għat-Tazza tad-Dinja fl-2010. Hu t-tieni l-aktar plejer li lagħab mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu.

Casillas li llum għandu 39 sena, kien ħabbar fi Frar li se jikkontesta l-kariga għaliex ried li jgħolli l-livell tal-federazzjoni Spanjola. Hu ma eskludiex li fil-futur jerġa’ jikkandida ruħu. Din id-deċiżjoni tfisser li Luis Rubiales mistenni jerġa’ jkun elett f’Awwissu li ġej b’mandat ta’ erba’ snin. Rubiales kien ħa t-tmexxija tal-Federazzjoni f’Mejju tal-2018 mingħand Angel Maria Villar.