Lokali Parlament

Il-Gvern sieket dwar Chris Cardona, it-tneħħija tal-istat ta’ emerġenza tas-saħħa u r-rapport tal-Kummissjoni Venezja

Il-gvern baqa’ sieket u ma weġibx għal appell tal-Kap tal-PN Adrian Delia li fil-parlament insista li l-gvern għandu jagħmel stqarrija ministerjali dwar ir-rapprot li ħerġin mill-qorti dwar id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona, dwar il-mod kif tneħħa l-istat ta’ emerġenza tas-saħħa u dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja.

Fil-parlament Adrian Delia staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja jekk fid-dawl ta’ rapporti pubbliċi dwar siltiet mir-rapport tal-Kummissjoni Venezja li kienu pubblikati fil-gazzetti l-Ħadd li għadda, il-gvern hux se jippubblika ir-rapport tal-Kummisjsoni Venezja.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia staqsa wkoll jekk hux se ssir stqarrija ministerjali dwar it-tneħħija tal-istat ta’ emerġenza pubblika minħabba li la l-Prim Ministru u lanqas il-Ministru tas-Saħħa m’għandhom il-poter li jagħmlu dan.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa dwar ir-rapporti li ħerġin mill-qorti fil-kumpilazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fejn tissema’ l-allegata parteċipazzjoni tad-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona.