F’artiklu f’In-Nazzjon l-eks Ministru Louis Galea, inkarigat mir-riforma u tiġdid tal-PN, jikteb illi l-pass veru li jmiss, l-isfida vera għall-PN, issa hi li fil-ġimgħat li ġejjin kulħadd jingħaqad u jimpenja ruħu biex jilbes l-ispirtu l-ġdid u nwettqu bil-fatti r-riforma u t-tiġdid li fassalna.
Il-ħidma s’issa hija l-frott tad-diskussjoni u d-djalogu intens li wettaqna flimkien tul is-sena li għaddiet. Ħdimna flimkien, minn isfel għal fuq… mill-membri tal-kumitati għall-fergħat tal-partit, għall-Membri Parlamentari, għall-uffiċjali u għall-Kap tal-Partit, Adrian Delia, li sena ilu stedinni mmexxi dan il-proċess ta’ riforma u tiġdid.
L-24 siegħa li għaddew bejn it-12 u t-13 ta’ Ġunju 2020 huma seminali għall-ġejjieni tal-PN. Qed niġu mistiedna nibdew paġna ġdida f’kapitlu ġdid fi storja li bdiet bit-twaqqif tal-Partit Nazzjonalista 140 sena ilu, fl-1880… storja li se tkompli, bi sfidi u opportunitajiet ġodda u sbieħ… b’impenn akbar għall-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi.
Issa jmiss li l-Kunsill Ġenerali jiltaqa’ fil-25 ta’ Ġunju biex jikkonsidra u japprova l-abbozz ta’ statut li għadu kif adotta l-Kumitat Eżekuttiv fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet.
Dan għadu biss il-bidu. Fadal ħafna x’nispjegaw fil-ġranet u ġimgħat li ġejjin. U hemm ħafna xogħol li rridu nidħlu għalih. L-ewwel ħaġa li għandna bżonn li b’umiltà u mħabba ġenwina għal pajjiżna nieħdu l-ewwel deċiżjoni: Irrid jew ma rridx nagħti sehem bil-fatti? Lest ma nibqax inparla u nikkritika bl-addoċċ? Lest immidd idejja, anki jekk b’sagrifiċċji? Jekk ir-risposta hi iva dawn huma fost il-passi li jmiss.
L-ewwel, il-Membri Parlamentari, inkluż dawk Ewropej, ġew assenjati l-inkarigi tagħhom mill-Kap tal-Partit f’sistema ta’ ‘clusters’ li mistennija tkompli tiżviluppa fil-ġimgħat li ġejjin. Ir-riżultat ta’ dan għandu jkun ħidma aktar effettiva fil-Parlament u barra, fuq l-ogħla livell politiku, u tħejjija tal-Oppożizzjoni biex tikseb il-kredibbiltà li hi kapaċi toffri gvern alternattiv.
It-tieni, il-Kumitat Eżekuttiv waqqaf il-Kummissjoni Kandidati li ngħatat funzjoni ġdida bl-abbozz tal-istatut li qed jiġi approvat. Il-kandidati huma l-‘frontliners’ tagħna fl-elezzjoni li ġejja. Ma nistgħux nibqgħu ngergru u ngħidu kemm hemm bżonn nies tajbin fil-politika. Hemm bżonn ħafna żgħażagħ, ħafna nisa u rġiel, minn kull settur, li jidħlu għall-vokazzjoni politika fi ħdan il-PN. Il-kummissjoni se tgħin lil kull kandidata u kandidat. Se nassiguraw li ilkoll jgħaddu minn analiżi serja li huma persuni onesti u kompetenti motivati biss mis-servizz għall-ġid komuni tal-poplu. Jgħiduli li qed inkun ideali wisq. Iva, dak li għandna bżonn, politiċi ideali, awtentiċi, kapaċi li jservu b’umiltà u mħabba.
It-tielet, se nġeddu l-kumitati sezzjonali f’kull belt u raħal f’Malta u Għawdex. Din hi stedina għat-tesserati żgħażagħ, nisa u rġiel, biex ma jibqgħux jibżgħu, jagħmlu kuraġġ, iqumu fuq tagħhom, jifhmu li l-partit u l-pajjiż qed isejħilhom. L-istatut jenfasizza l-ugwaljanza bejn kulħadd, l-aktar bejn in-nisa u l-irġiel. Nenfasizzaw li l-ebda diskriminazzjoni mhi aċċettabbli. L-istatut jiddikjara: “L-ebda persuna ma tista’ tiġi prekluża minn sħubija fil-partit fuq xi bażi ta’ diżabbiltà, sess, orjentament sesswali, razza, twemmin reliġjuż, jew identità tal-ġeneru.” Hemm post, u rridu nagħmlu post, għal kulħadd.
Wara li nġeddu l-kumitati se neleġġu r-rappreżentanti ta’ kull distrett għall-Kumitat Eżekuttiv. Se nwaqqfu wkoll struttura ġdida – ħames kumitati reġjonali, erbgħa f’Malta u wieħed Għawdex. Imbagħad ngħaddu biex inġeddu l-fergħat u nwaqqfu forum ġdid li għandu l-mandat jikkoordina l-ħidma tagħhom. Meta dan ikun f’postu, jerġa’ jiltaqa’ l-Kunsill Ġenerali biex jeleġġi tmintax-il rappreżentant tiegħu għall-Kumitat Eżekuttiv. Iridu jiltaqgħu l-kunsilliera lokali u jeleġġu tlettax-il rappreżentant, wieħed għal kull distrett, biex ikunu membri fuq il-Kumitat Eżekuttiv. B’hekk inkunu ġeddidna l-Kumitat Eżekuttiv li mbagħad jgħaddi biex jeleġġi l-uffiċjali tal-partit.
Fir-rigward tal-uffiċjali għandna wkoll ideat ġodda. Għall-ewwel darba saħħaħna l-kariga ta’ President tal-Kunsill Ġenerali li qed ngħabbuh bir-responsabbiltà li “jkun il-gwardjan tal-governanza tajba tal-istrutturi kollha tal-Partit”. Ħloqna żewġ Presidenti ġodda: wieħed għar-riċerka politika biex, fost ħwejjeġ oħra, “isegwi dawk l-inizjattivi kollha neċessarji biex il-partit ikollu strateġija politika aġġornata, rilevanti u effettiva”; l-ieħor għad-djalogu soċjali u outreach, li minbarra li jkun responsabbli għall-Forum tal-Fergħat, irid iwettaq ħidma ta’ kuntatt u kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra politiċi, kulturali, soċjali, unions, korpi kostitwiti, mal-għaqdiet volontarji u mas-soċjetà ċivili bl-iskop li l-partit jissieħeb fi djalogu regolari fl-aqwa interess nazzjonali u tal-ġid komuni.
Ikun xogħol ukoll ta’ dan il-President li “jibni u jħaddem Outreach/ Customer Care Unit għall-membri, attivisti u sostenituri tal-partit, għal kull min jixtieq iressaq xi lment lill-partit, u għal min irid isir jaf il-partit aħjar u lest li jaħdem fih.”
Il-partit se jkollu tliet kummissjonijiet importanti: waħda diġà semmejnieha Kummissjoni Kandidati. Oħra hija l-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Media Soċjali, u oħra Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data. Fuq dan inkunu nistgħu nispjegaw fil-ġranet li ġejjin.
Hemm diversi tibdil ieħor li maħsub isaħħaħ l-organizzazzjoni tal-partit – ELCOM, Kumitat tat-Tmexxija, Direttur Komunikazzjoni. Kollox irid isir sewwa u bis-serjetà biex il-Kap tal-Partit ikollu l-għodda li jreġi partit magħqud, kredibbli u organizzat.
Kif dejjem sostnejt l-istatut mhux kollox u waħdu, fuq il-karta, ma jsolvi l-ebda problema. Wara li flimkien ħsibna u ddiskutejna sew tul ix-xhur li għaddew, wara li issa qed nagħtu statut ġdid lill-partit, issa rridu nibnuh mill-ġdid u nagħmluh magħqud u f’saħħtu. Jeħtieġ li nisa u żgħażagħ jidħlu għall-isfidi u l-opportunitajiet li t-taqlib fis-soċjetà qed jippreżenta.
Fost il-bidliet l-aktar importanti hemm Artiklu 2 li qed jagħtina verżjoni aġġornata ta’ min aħna, x’inhi l-identità tagħna, x’inhuma l-valuri u l-ideali tagħna. Din ġiet pubblikata f’Il-Mument ilbieraħ u se tkun fuq is-sit tal-partit minn għada (www.pn.org.mt). Nistieden lil kulħadd jaqra u jixtarr, u jerġa’ jaqra u jixtarr. Hija viżjoni u missjoni ambizzjuża, ċara, sfidanti kif nixtiequ naraw il-poplu u l-pajjiż tagħna resqin għalenija lejn il-mira tal-ġid komuni u l-milja tad-dinjità umana għal kulħadd. Din hi l-bażi tal-għaqda nazzjonali, tal-ġustizzja, tal-ġid u l-progress veru.
Jekk inħobbu lilna nfusna, ’l uliedna u ’l pajjiżna, ejjew ningħaqdu mal-viżjoni u l-ideal tal-ĠID KOMUNI.
Kitba: Louis Galea
//= $special ?>