Lokali

Il-PN iressaq private member’s bill biex tintemm id-diskriminazzjoni

Il-bini tal-Parlament

Bħalma ħabbar il-Partit Nazzjonalista l-ġimgħa li għaddiet, illum, permezz tal-Viċi Kap David Agius u l-Membri Parlamentari Claudette Buttigieg, Therese Comodini Cachia, u l-Whip Robert Cutajar, tressqet Private Members Bill biex tiġi emendata liġi diskriminatorja kontra n-nisa.

L-għan ta’ dan l-abbozz huwa biex nassiguraw li jitneħħa stat ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u indħil fil-ħajja privata tal-persuni kif misjub u dikjarat f’deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali fis-26 ta’ Jannar 2018 fl-ismijiet  ‘Marie Therese Cuschieri  v. Avukat Ġenerali’ u sabiex  jiġi assigurat li b’dan l-ewwel pass jittieħdu dawk il-miżuri amministrattivi kollha meħtieġa sabiex din il-vjolazzjoni ta’ drittijiet fundamentali misjuba mill-Qorti Kostituzzjonali tiġi mwaqqfa mill-aktar fis possibli.

Wara dan il-pass, l-Oppozizzjoni se tkompli tiddiskuti mal-Kunsill Notarili u mal-Gvern sabiex jiġi assigurat li verament jittieħdu l-passi meħtieġa biex titneħħa d-diskriminazzjoni kontra n-nisa minn liġijiet li suppost ġew aġġornati maż-żminijiet imma li sal-lum tħallew bla tibdil għad-detriment ta’ ħafna nisa.