Lokali Qorti

“Il-Gvern stenbaħ” – jintemm il-kuntratt ta’ konsulenza ta’ Lawrence Cutajar

Il-Ministeru għall-Intern tard illejla ħabbar illi intemm b’effett immedjat il-kuntratt ta’ konsulenza tal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar. Dan kien ikkonfermat fi stqarrija uffiċjali mill-Gvern.

Din il-konsulenza tal-eks Kummissarju kienet ġiet sospiża ftit tal-jiem ilu meta fil-Qorti saru allegazzjonijiet, li Cutajar ċaħad. Iżda minn Kastilja qatt ma kienu keċċewh; kien biss ġie sospiż.

Il-Gvern issa qed jgħid li d-deċiżjoni li jintemm il-kuntratt ta’ Cutajar ittieħdet wara l-aħħar żviluppi fil-Qorti, fejn sar magħruf li l-eks Kummissarju se jitpoġġa’ taħt investigazzjoni kriminali.

F’kummenti fuq Net TV, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech staqsa għaliex kellna naslu s’hawn. “Donnu li l-Gvern issa stenbaħ. U allura se jimxi l-istess fuq Chris Cardona?”, staqsa Zammit Dimech.

Hu insista li din l-informazzjoni kienet ilha f’ħoġor Robert Abela, u għal ġimgħat sħaħ ma għamel xejn.

Min hu Lawrence Cutajar?

L-iżviluppi tal-lum seħħew wara li Johann Cremona, li kien sieheb fin-negozju ma’ Yorgen Fenech, xehed taħt ġurament li Theuma kien allegatament infurmat mill-eks Kummissarju li l-Europol jaf bir-recordings li kellu ma’ Fenech. Johann Cremona qal ukoll li Lawrence Cutajar kien staqsih biex jisma’ dawn ir-recordings qabel ikun arrestat il-middleman.

Lawrence Cutajar huwa l-persuna li flimkien ma’ Silvio Valletta mexxa l-investigazzjoni b’rabta mal-assassinju ta’ Caruana Galizia. Kien hu li indirizza lill-media wara l-qtil, f’dik il-famuża press conference fejn ma kien wieġeb assulutament ebda domanda tal-ġurnalisti – bil-media barranija tirredikola lil Cutajar għan-nuqqas evidenti tiegħu fil-mod kif beda jikkomunika bl-Ingliż.

Lawrence Cutajar kien ukoll il-Kummissarju li kien kritikat b’mod aħrax għan-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu meta feġġ l-iskandlu tal-kumpanija Egrant, u meta s-sid tal-bank Pilatus kien ħarab bil-bagalji mill-Imsida.

Dakinhar, Net News kien qabad lill-Kummissarju mitluf ma’ sħabu waqt fenkata fl-Imġarr.